Il-PN se jippreżenta mozzjoni biex ikun irrevokat l-Avviż Legali li estenda l-mużika fil-Belt

Waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN intlaħaq qbil li l-Avviżi Legali "ma jirrikonoxxux il-karatteristiċi uniċi li għandha l-Belt Valletta bħala l-Kapitali ta' pajjiżna."

Mużika sas-1:00 a.m wara avviż legali
Mużika sas-1:00 a.m wara avviż legali

L-Oppożizzjoni llum se tkun qed tressaq mozzjoni fil-Parlament biex ikunu rrevokati l-Avviżi Legali li daħlu fis-seħħ fl-aħħar jiem u li estendew il-mużika mill-istabbilimenti fil-Belt mill-11pm sas-1am.

Fuq Facebook, id-Deputat Darren Carabott saħaq li kienu ħafna dawk ir-residenti li tkellmu miegħu u mad-Deputati Mario de Marco u Paula Mifsud Bonnici.

Carabott fakkar ukoll li hu wkoll il-Kelliem tal-Kunsilli Lokali u fl-aħħar jiem iltaqa' mal-kunsilliera Nazzjonalisti tal-Belt Valletta li qed jitolbu laqgħa urġenti tal-Kunsill Lokali dwar dan is-suġġett.

Intant, din il-kwistjoni kienet diskussa waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u l-pożizzjoni kienet li l-Avviżi Legali "ma jirrikonoxxux il-karatteristiċi uniċi li għandha l-Belt Valletta bħala l-Kapitali ta' pajjiżna."

 "Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jemmen li hu żball li l-mużika tista' tibqa' tindaqq sas-1am minflok sal-11pm, kif inhu s'issa. Dan anke għax dawn l-Avviżi Legali la jirrispettaw id-drittijiet tar-residenti Beltin li jgħixu fil-paċi u lanqas l-investiment li sar fi kwantità ta' stabbilimenti kummerċjali biex ikun attirat turiżmu ta' kwalità," tgħid stqarrija maħruġa mill-PN.

Sa ftit tal-jiem ilu, il-mużika fuq barra mill-istabbilimenti fil-Belt kienet permessibbli biss sal-11pm iżda l-Gvern daħħal Avviż Legali u estenda l-mużika sas-siegħa ta' filgħodu 'f'livell moderat." Dan qajjem rabja kbira fost ir-residenti Beltin.

Aqra aktar hawn:

More in Politika