Fiż-żmien li ġej se jinfetaħ childcare f’Belt is-Sebħ għal Membri Parlamentari u l-ħaddiema tal-Parlament

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li fiż-żmien li ġej se jkun qed jinfetaħ childcare fil-Furjana għall-ħaddiema tal-Parlament u l-MPs bit-tama li l-Parlament jiffunzjona aktar favur il-familja. 

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela illi fiż-żmien li ġej se jkun qed jinfetaħ ċentru apposta li jservi bħala childcare għall-Membri tal-Parlament kif ukoll għal ħaddiema li jaħdmu fi ħdan il-binja tal-Parlament.  

L-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia ikkonferma propju dan meta ġie mistoqsi mill-gazzetta jekk hemmx il-ħsieb li jsir ċentru simili fil-binja eżistenti tal-Parlament. Huwa wieġeb li l-ispazju fil-binja tal-Parlament innifisu hu limitat iżda dan ma jfissirx li “ma jista’ jsir xejn” f’dan ir-rigward u għalhekk ġie maħsub biex jinfetaħ ċentru ġdid passi ‘l bogħod mill-Parlament. 

Il-ħsieb huwa li jinfetaħ dan iċ-ċentru fiż-żmien li ġej ġewwa Belt is-Sebħ, kważi bieb ma’ bieb mal-binja tal-Ministeru tal-Edukazzjoni ġewwa l-Furjana. 

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM rigward nappy changers, Farrugia insista li fil-binja tal-Parlament diġà hemm nappy changers. Dan minkejja li ftit xhur ilu, il-gazzetta għamlet intervisti ma’ numru ta’ deputati nisa li saħqu li m’hemmx post biex persuna tbiddel il-ħarqa lit-tarbija tagħha. 

Intant, l-Ispeaker tal-Kamra spjega li dan il-pass qed jittieħed fid-dawl taż-żieda ta’ ommijiet fil-Parlament li issa jammontaw għal madwar 28% tad-Deputati iżda wkoll minħabba li l-Parlament fetaħ bieb għal numru sostanzjali ta’ persuni li forsi għadhom mhux ġenituri imma beħsiebhom jibnu familja fil-futur. F’avvenimenti bħal dawn, il-Parlament, skont Anġlu Farrugia, “għandu jkun lest.” 

‘Se jkollna omm tiddeċiedi bejn karriera jew it-tfal?’  

Min-naħa tagħha l-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Wirt Nazzjonali, Arti u l-Kultura , Julie Zahra, saħqet li l-argument lanqas biss għandu jkun jekk post it-tfal hux fil-Parlament, bħal ma jaħsbu bosta. Kuntrarjament “għandna nħarsu lejn ir-realtajiet ta’ għexieren ta’ eluf ta’ nisa, u li huma ommijiet, “bħal ma jien jien.” 

Hija spjegat kif l-omm issib diffikultajiet kbar sabiex tikseb bilanċ bejn il-ħajja familjari tagħha u bejn il-karriera, f’kwalunkwe post tax-xogħol, f’karriera professjonali jew anki bħala Membru Parlamentari.  

Din il-ġimgħa Zahra u t-tifla żgħira tagħha sabu ruħhom mal-erbat irjieħ tal-midja soċjali minħabba filmat li ttieħed fejn Julie tidher li ħadet magħha l-iċkejkna f’seduta tal-Parlament. Minkejja li r-ritratt qala’ kontroversja, Zahra tgħid li qajjem kuxjenza dwar ir-realtà li taffaċja mara fil-ġurnata tal-lum. 

Kien għalhekk li hija staqsiet; “Għandha l-omm tagħżel bejn karriera jew familja jew għandu l-Istat u l-privat jipprovdi inċentivi u servizzi sabiex dik l-omm li tiddeċiedi li tkompli taħdem tiġi mgħejjuna tagħmel dan?” 

Għaldaqstant, Julie Zahra żiedet tgħid ukoll li din mhux problema tal-Parlament Malti biss, li għalkemm sa issa qiegħed iżomm ‘l bogħod lin-nisa milli jikkunsidraw karriera fil-politika, din is-sitwazzjoni ssibha “f’kwalunkwe post tax-xogħol ieħor li għandna f’pajjiżna.”  

“Nemmen li s-soċjetà, jekk trid tkun verament inklussiva, trid tiggarantixxi li kull omm li tagħzel li tibqa’ taħdem ikollha l-faċilitajiet kollha biex tagħmel dan, fosthom li nifhmu l-ħtiġijiet familjari ukoll.” 

Diversi kollegi Parlamentari tiegħi huma ommijiet ukoll, u kollha kemm aħna nafu d-diffikultajiet kbar li nħabbtu wiċċna magħhom 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet ukoll lil Zahra dwar kif tissuġerixxi li l-Parlament jsir aktar disponibbli għal ġenituri li ma jkollhomx post fejn iħallu lill-uliedhom. Mill-ewwel wieġbet li la darba l-istat wasal biex jintroduċi l-mekkaniżmu li permezz tiegħu qed jibbilanċa s-sessi, l-istat allura ma jistax ma jaħsibx fl-effetti u l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tiegħu. 

Semmiet kif diversi kollegi parlamentari tagħha jifhmu d-diffikultajiet kbar li tħabbat wiċċha magħhom, għax bħala jgħaddu minn sfidi simili, b’mod partikolari minħabba l-ħinijiet li fihom jiltaqa’ l-Parlament. Il-ħin li fih jiltaqa’ l-Parlament bħalissa jaħbat ftit biss wara li t-tfal jispiċċaw mill-iskola. Żiedet tgħid li biex is-sitwazzjoni tkun agħar, ħafna minn dawn in-nisa għandhom l-irġiel jew partners tagħhom b’karriera jew impjieg u allura mara issib ruħha f’diffikultà għal darba oħra għax ma jkollhiex ma’ min tħalli lill-uliedha. 

Zahra qalet li kien l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni li kien ippropona li l-Parlament ikollu servizz li jieħu ħsieb it-tfal, li mhux neċessarjament ikun child care, iżda wiehed ta’ ‘child minding’ u li jista’ jkun disponibbli għal persuni oħra mill-inħawi, u mhux neċessarjament għall-membri parlamentari.  

Temmet tgħid li fl-aħħar minn l-aħħar, kull omm, Membru Parlamentari jew le, għandha l-istess diffikultajiet u realtajiet ta’ ommijiet oħra. Huwa għalhekk li temmen illi “l-ġest tiegħi kien wieħed li fetah diskussjoni sana li jġiegħlna nirriflettu fuq ir-realtajiet moderni tal-llum. Inkella nkunu qegħdin ngħidu li rridu l-ugwaljanza fil-konfront tal-ġeneru femminili li jirrapreżenta nofs pajjiżna, iżda fl-istess waqt inkunu qed ngħidu li post il-mara hu d-dar.” 

More in Politika