Il-femiċidju lura għad-diskussjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti mil-lejla

L-abbozz li jintroduċi l-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali kien ispirat mill-qtil ta' Paulina Dembska u r-rabja li dan ġab miegħu

Paulina Dembska
Paulina Dembska

L-abbozz ta' Liġi li se jkun qed jitratta l-femiċidju reġa' qiegħed lura fil-Parlament Malti, wara illi l-abbozz oriġinali waqa' hekk kif il-Parlament kien ġie xolt biex il-pajjiż mar għal elezzjoni u allura ma baqax għaddej il-proċess kollu li permezz tiegħu l-femiċidju isir liġi. 

L-abbozz biex il-kunċett tal-femiċidju - jiġifieri omiċidju bbażat fuq il-fatt li l-vittma hija mara -  jidħol Kodiċi Kriminali kien ispirat mill-qtil barbaru tal-Ollakka Paulina Dembska f'Tas Sliema fil-lejl tal-ewwel tas-sena. Dan il-qtil wassal għal protesta u għajta qawwija kontra reati fuq nisa u anke kontra l-mentalità patrijarkali li twassal għal reati bħal dawn. 

'Qtil ta' passjoni' mhux se jibqa' raġuni li biha sentenza mill-Qorti tiġi mnaqqsa

Ir-riforma il-ġdida tgħid li l-femiċidju se jkun reat distint mill-omiċidju iżda mhux wieħed separat. Id-definizzjoni uffiċjali skont il-Kodiċi Kriminali għal femiċidju issa hi;  il-qtil ta' mara jew ta' tifla minn raġel, immotivat mill-ġeneru.

Inizzjalment l-abbozz kien qed jipprovdi ċirkostanzi 'femiċidjali' ta' qtil li għandhom jaħdmu sabiex il-piena tiħrax. Apparti minn hekk, il-abbozz kien qed jipprovdi wkoll illi omiċidju b'karatteristiċi ta' femiċidju ikun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f'passjoni. 

L-abbozz oriġinali jgħid li la darba l-qtil ikun iddikjarat bħala femiċidju, mhux se jkun qed jaffetwa jekk l-aggressur kienx sieħeb intimu, ir-raġel, il-ħabib jew saħansitra membru tal-familja bħal missier jew aħwa. Il-piena massima tibqa' bħal dik ta' omiċidju, jiġifieri ta' għomor il-ħabs.

L-abbozz se jkun qed jikkonsidra fih ukoll il-qtil ta' mara fil-kuntest ta' vjolenza domestika, qtil għall-unur tal-qattiel jew tal-familja, qtil abbażi ta' sentimenti miżoġini, qtil minħabba orjentazzjoni sesswali, qtil fil-kuntest ta' sfruttament sesswali, qtil fil-kuntest ta' prattiċi reliġjużi jew ta' kult, fost oħrajn bħala femiċidju. 

More in Politika