Repubblika takkuża lill-Gvern li qed jinjora pariri biex jiġġieled b'serjetà l-korruzzjoni

Dan wara li l-GRECO sab li minn 23 parir li ta lill-Gvern ftit wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, ġew implimentati biss żewġ rakkomandazzjonijiet

L-organizzazzjoni Repubblika akkużat lill-Gvern Malti li ma jridx jiġġieled il-korruzzjoni u dan wara li l-GRECO sab li minn 23 parir li ta lill-Gvern ftit wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, ġew implimentati biss żewġ rakkomandazzjonijiet.

Fi stqarrija, Repubblika saħqet li l-Gvern Malti injora r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp tal-Pajjiżi Ewropej Kontra l-Korruzzjoni.

Fakkret li l-GRECO, fost oħrajn irrakkomanda proċeduri ta’ skrutinju fuq il-persons of trust u anke regoli dwar il-lobbying u trasparenza dwar minn fejn l-uffiċċjali pubbliċi jaqilgħu flushom barra l-paga tal-gvern. 

"Malta falliet eżami ieħor ta’ konformità mqar bażika ma’ normi internazzjonali ta’ mġieba korretta fil-ħajja pubblika. Dan minkejja li minn żmien għal żmien ministri jew eks ministri tal-Gvern jikkongratulaw lilhom innifishom pubblikament dwar dawk li huma jsejħu riformi b’risq is-saltna tad-dritt. Id-diskors vojt tar-risposti tagħhom lill-GRECO evidentament ma ħallix impressjoni tajba," insistiet Repubblika.

L-istqarrija qalet li Malta hija mmexxija minn "Gvern korrott li jrid jippreserva sistemi korrotti ta’ stat korrott."

"L-istat ma ddejjaqx jaġixxi b’mod li wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex jippreserva l-korruzzjoni. Aħseb u ara kemm l-istat se joqgħod jiddejjaq mill-GRECO," qalet l-istqarrija. "Min imexxi pajjiżna ma jridx jiġġieled il-korruzzjoni. Dan ifisser biss li min imexxi pajjiżna hu korrott."

Temmet tisħaq li sakemm f’Marzu 2023 Malta tirrapporta mill-ġdid xi progress għamlet lill-GRECO, trid tkun għamlet progress sinifikattiv biex tiġġieled il-korruzzjoni.

"Nappellaw li l-gvern jinfetaħ għal konsultazzjonijiet effettivi mas-soċjetà ċivili biex nibdew bis-serjetà niġġieldu l-korruzzjoni," temmet tgħid Repubblika.

More in Politika