Jaqa' appell miftuħ minn Yorgen Fenech għax ma ħallasx id-depożitu tal-Qorti

Yorgen Fenech kien qed jappella d-deċiżjoni tal-Qorti li waqqgħet każ li fetaħ hu biex tkun riveduta d-deċiżjoni tal-Kabinett kontra l-proklama

Waqa' l-appell li fetaħ Yorgen Fenech kontra d-deċiżjoni tal-Qorti li ma aċċettatx talba tiegħu biex il-Qorti tirrevedi d-deċiżjoni tal-Kabinett li ma jagħtihx il-maħfra presidenzjali. L-appell waqa' hekk kif Fenech falla milli jħallas id-depożitu tal-Qorti.

L-Avukati ta' Fenech kienu talbu lill-Qorti biex tħares lejn id-deċiżjoni tal-Kabinett li ċaħdet it-talba ta' Fenech biex jingħata l-Maħfra Presidenzjali. L-Avukati ma kinux ressqu protest jew ittra ġudizzjarja kif isir f'każi simili għax huma saħqu li dan il-prerekwiżit ma jgħoddx f'każ urġenti.

Madanakollu, l-Imħallef Francesco Depasquale ma aċċettax din it-talba.

Eventwalment, Fenech kien appella din id-deċiżjoni iżda jidher li l-akkużat falla milli jħallas id-depożitu tal-Qorti li kien mitlub u skont il-liġi.

Għalhekk, anke jekk waqt is-seduta kien hemm l-Avukat ta' Fenech, Charles Mercieca, l-appell kien iddikjarat 'abbandunat.'

More in Politika