L-ispiżeriji wkoll milquta miż-żieda fil-prezzijiet; ‘Kuljum nirċievu imejl dwar mediċina li tkun għoliet’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ diversi spiżjara dwar iż-żieda fil-prezzijiet li qed tolqot ukoll anke l-ispiżeriji, b’mod partikolari mediċini komuni u anke prodotti oħra li tixtrihom biss mill-ispiżeriji 

Jekk iż-żieda fil-prezzijiet qed tolqot lill-grocers, lill-ħwienet tal-ikel u x-xorb u anke l-lukandi, l-istess qed jiġri fl-ispiżeriji, bi spiżjara li tkellmu mal-gazzetta ILLUM jisħqu li kważi kuljum qed jirċievu imejl biex tinfurmahom ibiddlu l-prezz ta’ mediċini għax ikunu għolew. 

F’kummenti mal-ILLUM, diversi spiżjara spjegaw kif fost il-prodotti mediċinali li l-prezz tagħhom għola aktar minn darba, hemm dawk li l-aktar jinxtraw u li huma l-aktar popolari, fosthom il-Panadols. 

Fil-fatt, kemm il-kaxxa tal-Panadols blu tal-24 pirmla u anke dik blu tat-48 pirmla għolew aktar minn darba, inkluż riċentament. Dawn issa qed jinbiegħu għal madwar €2.27 u €4.43 rispettivament.  

Għola wkoll il-prezz tal-Voltaren gel, li jintuża biex inaqqas l-uġigħ u anke l-Ventolin li jintuża minn bosta, b’mod partikolari dawk li jbatu mill-ażma. Fil-fatt, dan l-aħħar, il-prezz tal-Voltaren żdied b’għoxrin ċenteżmu oħra għal €6.70, filwaqt li l-prezz tal-Ventolin reġa’ żdied bi kważi 30 ċenteżmu għal €3.49. 

L-istess spiżjara qalu li reġa’ żdid il-prezz taz-Zovirax Cream, li jintuża fuq ix-xoffa meta titla’ xi ponta bħal dik tad-deni. Illum il-prezz żdied għal madwar €7. 

Żdied ukoll l-Otrivin, spray li jintuża minn bosta meta jkollhom imneħirhom miżdud. Dan issa qed jinbigħ għal ftit inqas minn €5. Żdiedu wkoll il-prezzijiet ta’ sachets ta’ mediċina li titħallat mal-ilma u tinxtorob, inkluż meta persuna jkollha riħ. 

Għolew b’aktar minn €1 ħafna mill-vitamini, b’mod partikolari dawk li jittieħdu minn persuni li ma jkunux jistgħu jieklu ċertu ikel, fosthom dawk li ma jkunux jistgħu jieħdu prodotti magħmulha mill-ħalib. 

Dawn il-vitamini kienu €10. Ftit tal-ġimgħat ilu żdiedu għal €10.44 u issa qed jiswew €11. Vitamini ta’ ditta oħra, kienu jiswew €16.47 u issa għolew għal €18. 

Iżda mhux dawn il-mediċini biss żdiedu. L-ispiżjara li tkellmu mal-ILLUM qalu li hemm prodotti oħra, magħrufa bħala dermo-costemics li ma jkunux sempliċiment prodotti tas-sbuħija imma jkunu jintużaw apposta minn persuni li jkollhom xi kundizzjoni fil-ġilda, jew pereżempju jkollhom ġilda sensittiva. 

Dawn huma prodotti, bħal pereżempju creams tal-wiċċ u anke sunblocks ta’ ditti popolari li mhux se ssib tixtrihom minn xi supermarket imma mill-ispiżjeriji biss. 

Spiżjar partikolari spjega kif sunblocks ta’ ditta popolari u li tista’ tixtrihom biss mill-ispiżeriji, għolew minn €18 għal €20 u anke aktar. 

L-istess il-prezz ta’ toothpastes u mouthwashes ta’ ditta oħra popolari, żdiedu b’aktar minn €2. Żdied ukoll il-prezz tal-Corega li jintuża minn ħafna persuni li għandhom id-dentatura. 

Spiżjara oħra rrimarkaw kif żdied il-prezz tal-ħrieqi tal-anzjani ta’ ċertu ditti. Anke hawn kien hemm pakketti li kienu jiswew €14 u issa qed jiswew €17 jew aktar.  

Kienet irreġistra wkoll żieda fi prodotti li jintużaw minn persuni li jkollhom problema biex jorqdu. Il-prezz ta’ prodott partikolari żdied b’aktar €1.50. Minn €7 dan issa qed jiswa madwar €8.40. 

Dan biex ma nsemmux il-fwejjaħ li anke jekk mhux mediċini, hemm ħafna spiżeriji li jbiegħuhom. Hemm fwejjaħ li l-prezz tagħhom żdied bejn €5 u €10.  

‘L-antibiotics ma żdidux ... żdiedu l-affarijiet li l-aktar jintużaw’ 

Mistoqsija fuq l-antibiotics, l-ispiżjara li tkellmet magħhom l-ILLUM saħqu li ma kienx hemm xi żieda kbira fil-prezzijiet tagħhom. Madanakollu qalu li persuna tieħu l-antibiotic għal ftit jiem. Il-mediċini li l-aktar qed ikunu milquta minn żieda fil-prezzijiet huma dawk li l-aktar jinbiegħu, anke għax ikun hemm persuni li jkunu jridu jeħduhom għal ħajjithom kollha, bħalma huma l-vitamini msemmija qabel. 

“Hemm persuni li ma jistgħux joqogħdu mingħajr il-vitamini. Jogħlew jew le, se jkollhom jixtruhom,” spjegat waħda mill-ispiżjara. 

Dan biex ma nsemmux it-tgergir tal-klijenti mal-ispiżjara. Spiżjar qal li n-nies qed jistaqsu u xi drabi saħansitra jeħduha magħhom meta jindunaw li l-prezzijiet ikunu nbiddlu minn ġimgħa għall-oħra. 

“Is-sitwazzjoni tal-biża’. Kważi kuljum nirċievu imejl tinfurmana li nbiddlu l-prezzijiet. Il-pazjenti qed jiġġieldu magħna.” 

‘Għadhom jiġu prodotti mingħajr struzzjonijiet bl-Ingliż’ 

Mistoqsija dwar mediċini out-of-stock, l-ispiżjara saħqu li ma hemmx problemi enormi anke jekk hemm xi mediċini li wara Brexit ma baqgħux jiġu. 

Madanakollu għad hemm problema bi prodotti mediċinali li qed jiġu f’kaxxi mingħajr struzzjonijiet u informazzjoni bl-Ingliż.  

L-ispiżjara saħqu li wara Brexit, meta sar aktar diffiċli biex ċertu mediċini jinġiebu mir-Renju Unit, inħolqot problema kbira għax kien hemm bosta prodotti li ma kinux qed jaslu f’pakketti bl-Ingliż. Anke jekk issa naqqset, għad hemm prodotti li mhux ikollhom struzzjonijiet bl-Ingliż u dan jagħmilha diffiċli kemm għall-ispiżjar u anke għall-pazjent. 

“Brexit kellu impatt kbir iżda l-pandemija kompliet tgħarraq is-sitwazzjoni,” temm jgħid wieħed mill-ispiżjara. 

Intant, dwar dan, il-gazzetta ILLUM bagħtet mistoqsijiet lill-Aworità Maltija għall-Mediċina. Fost oħrajn staqsiet x’inhuma r-raġunijiet ewlenin għaliex il-prezzijiet qed jiżdiedu drastikament u ta’ spiss u x’qed isir biex ikun protett il-pazjent u jkun assigurat li kulħadd jibqa’ jaffordja l-mediċina. 

Sakemm morna għall-publikazzjoni, l-Awtorità kienet għadha ma weġbitx il-mistoqsijiet. 

More in Politika