Għajnuna għar-raba' pilastru tad-demokrazija... Il-Gvern jalloka fond ta' €500,000 fis-sena biex jgħin lill-istampaturi

Dan fid-dawl ta' żieda sostanzjali fil-prezz tal-karta li qed tkompli żżid mal-isfidi kbar li diġà qed jiffaċċja s-settur

Il-Gvern se jkun qed jassisti lill-pubblikaturi tal-gazzetti - fi żmien fejn qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti, riżultat taż-żieda sostanzjali fil-prezz tal-karta - b'fond ta' €500,000 f'sena biex isostni l-ħidma tal-ġurnaliżmu stampat f'pajjiżna. 

Il-Kumitat tal-Pubblikaturi kollha tal-gazzetti stampati f’pajjiżna, li jimpjegaw mas-66 ġurnalist full-time u bosta fuq bażi part-time, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) iltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja biex jippreżentaw l-argumenti tagħhom u jispjegaw id-diffikultajiet kbar li qed jiffaċċjaw fid-dawl ta’ avvenimenti straordinarji. Bejniethom, l-istampaturi jippubblikaw 14-il gazzetta differenti li joħorġu l-Ħadd, kuljum jew kull ġimgħa.

Matul il-laqgħa, ġie diskuss l-irwol tal-gazzetta bħala parti essenzjali mill-midja, li hija element qawwi f’demokrazija. Huwa fid-dawl ta’ dan l-irwol kruċjali li l-Prim Ministru Robert Abela ikkomunika li l-Gvern iħoss li għandu jsostni dan is-settur. Għalhekk ġie ddedikat fond ta’ nofs miljun ewro f’sena, fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji li komplew iżidu l-isfidi kbar li diġà kellu s-settur.

Għal din il-laqgħa, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.

More in Politika