'F'dan iż-żmien bla preċedent, irridu niżguraw li l-popli tagħna jkollhom il-protezzjoni u r-rispett' - Ian Borg

Borg insista għal aktar kooperazzjoni biex sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jiġu implimentati u esegwiti 

Il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg saħaq li f'dan iż-żmien bla preċedent li qed ngħixu bħalissa, "aktar minn qatt qabel irridu niżguraw li l-popli tagħna jkollhom il-protezzjoni, ir-rispett u garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif imniżżel fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.” Dan qalu waqt li kien qiegħed jindirizza l-132 sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa f’Turin fl-Italja waqt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. 

Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru Ian Borg enfasizza li hemm bżonn ta’ kooperazzjoni b’saħħitha sabiex naraw li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikunu implimentati u esegwiti.

Il-Ministru Borg saħaq illi għal darb’oħra ntwera, b’mod speċjali matul dawn l-aħħar ftit xhur, kif il-Kunsill tal-Ewropa għad għandu relevanza importanti ħafna fejn tidħol is-sigurtà Ewropea. Il-ħarsien tal-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-iffaċilitar tal-progress ekonomiku u soċjali li fuqhom huwa msejjes dan il-Kunsill reġgħu huma katalisti f’dan iż-żmien li qed ngħixu. Għal darb’oħra, filwaqt illi esprima s-solidarjetà sħiħa ta' Malta mal-Ukrajna, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti kompla jippromwovi l-ideal tal-paċi sabiex jirrenja bejn ir-Russja u l-Ukrajna u sostna li dan huwa l-uniku mod li nistgħu naraw din il-gwerra ttemm darba għal dejjem.

Borg faħħar it-tmexxija tal-Presidenza Taljana matul l-aħħar sitt xhur u awgura lill-Irlanda li issa tkun qed tieħu t-tmexxija għas-sitt xhur li ġejjin. Jakkumpanja l-Ministru Ian Borg kien hemm ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, is-Sur Lorenzo Vella.

Il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Marija Pejčinović Burić, fejn esprima l-impenn qawwi ta’ Malta biex tkompli ssostni u tippromwovi l-valuri ta’ din l-organizzazzjoni politika Ewropea.

More in Politika