Arnold Cassola jitlob lil Hyzler jinvestiga ammonti mogħtija lil TEC Ltd minn Ian Borg

Ċifri mogħtija fil-Gazzetta tal-Gvern juru li l-Ministeru tat-Trasport ta nofs miljun ewro lil TEC Ltd, kollha mogħtija fl-istess jum, għall-proġett tal-Malta Metro

Arnold Cassola qed jitlob lill-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler biex jinvestiga lil Ian Borg talli allegament naqas li jsemmi diversi direct orders li ngħataw lill-kumpanija tal-avvenimenti TEC Ltd meta wieġeb għal bosta mistoqsijiet parlamentari dwar il-proġett tal-Metro.

Cassola jgħid li minkejja bosta mistoqsijiet minn Membri Parlamentari differenti, b’ammonti differenti ta’ flus ikkwotati, it-tweġibiet ippreżentati minn Borg :"naqsu milli jinkludu €500,000 f’direct orders imħallsa lil TEC Ltd."

L-ammonti kkwotati fil-mistoqsijiet parlamentari tal-Ministru Ian Borg jinkludu €67,954.12 għall-promozzjoni diġitali lejn iCreate, MaltaPost, Poultons, Pure u Maze Digital; €76,981 għall-attività tat-tnedija tal-proposta tal-Metro; €30,900 għall-istampar ta’ flyers u materjal promozzjonali; €4,927 lill-MaltaPost għat-tqassim; u €1,807,907 lill-kumpanija ta’ konsulenza internazzjonali Arup għat-twettiq tal-istudju.

Cassola isostni li dawn l-ammonti ma jammontawx mal-ammonti mogħtija lil TEC Ltd.

Ċifri mogħtija fil-Gazzetta tal-Gvern juru li l-Ministeru tat-Trasport ta nofs miljun ewro lil TEC Ltd, kollha mogħtija fl-istess jum, għall-proġett tal-Malta Metro.

The Shift News irrapporta li Ian Borg uża s-servizzi ta’ TEC Ltd waqt il-kampanja elettorali tiegħu, wara li kera mill-inqas sitt tined massivi biex isiru avvenimenti tal-kampanja fid-distrett tiegħu. L-istess portal, stmat li l-kiri ta’ dawn it-tined kellu jiswa lil Borg mill-inqas €36,000.

More in Politika