Il-PN jappella biex il-Gvern iżid is-sussidji għall-karozzi hybrid u elettriċi

'Lanqas għaddiet ġimgħa u l-Gvern diġà waqqaf is-sussidji li jinċentivaw ix-xiri tal-karozzi Hybrid'

Il-Kelliem għat-Trasport, Mobilitá u l-Proġetti Kapitali, Adrian Delia flimkien mal-Kelliema għat-Tibdil fil-Klima, Eve Borg Bonello saħqu li minkejja li fid-diskors tal-President fil-ftuħ tal-Parlament, il-Gvern wiegħed li se jipprijoritizza l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, xi ħaġa diġà inbiddlet.

"Lanqas għaddiet ġimgħa u l-Gvern diġà waqqaf is-sussidji li jinċentivaw ix-xiri tal-karozzi Hybrid," spjegaw permezz ta' stqarrija.

Għalkemm il-PN jirrikonoxxi li dan jaf kien żball sforz xi nuqqas ta’ kommunikazzjoni bejn il-ministeri, huwa talab biex dawn is-sussidji mhux biss jibqgħu jingħataw, imma ukoll biex jiġu miżjuda u estiżi. "Speċjalment fil-konfront tal-kriżi fit-tibdil fil-klima, speċjalment f’pajjiż fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni ddikjaraw emerġenza fil-klima fil-parlament fit-22 ta’ Ottubru 2019."

Huma fakkru kif aħbarijiet riċenti "mhuma inkoraġġanti xejn," partikolarment meta wieħed jikkunsidra li xjentisti prominenti wissew li fil-ħames snin li ġejjin "għandna nistennew żieda fit-temperatura ta’ 1.5 gradi celcius."

Id-deputati insistew li fis-sitwazzjoni li qegħdin bħalissa fiha, hemm bżonn illi l-Gvern iwettaq il-proposti ambjentali li hu stess wiegħed.

Irrimarkaw kif il-karozzi f’Malta joħolqu ammont kbir tal-emmissjonijiet, li "mhux biss huma devastanti għall-ambjent naturali imma wkoll qed jikkawżaw il-mard, fejn 500 persuna mietu kaġun tat-tniġġis fl-arja fl-aħħar sentejn. B’dir-rata, qed nissugraw li nkomplu nkunu esposti għal iktar tniġġis. Statistika inkwetanti tal-Eurostat turi li l-poplu Malti diġà hu l-iktar poplu espost għal tniġġis fl-Ewropa."

Huma qalu wkoll li l-Oppożizzjoni tinsab lesta sabiex tappoġġja u tgħin lill-Gvern biex innaqqsu l-emmissjonijiet ta’ Co2 fil-gżejjer tagħna, u jingħaqdu biex jgħelbu sfida globali, "sabiex nagħmlu hekk irridu ngħinu liċ-ċittandini tagħna b’inċentivi għal karozzi li ma jniġġsux."

More in Politika