Il-Ministru Schembri jgħid li ma hemmx bżonn aktar vouchers għax il-figuri tal-konsum huma b’saħħithom

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri iwieġeb dwar il-lista l-griża, il-ħidma tal-Gvern, l-andament tal-ekonomija u ħafna aktar

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri saħaq li l-Gvern mhux se jkun qiegħed joħroġ aktar vouchers hekk kif il-figuri tal-konsum huma pożittivi ħafna.

Il-programm Mill-Kamra li se jixxandar nhar il-Ħamis fuq TVM News+, staqsa lill-Ministru jekk il-Gvern hux se jkun qed jerġa’ joħroġ aktar vouchers anke biex aktar nies ikunu jistgħu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja, liema żieda qed taffettwa il-prezzijiet tal-aktar prodotti bażiċi. 

Għal dan il-Ministru rrisponda mill-ewwel b’xi fatti dwar dak li wassal għal għajnuniet fi żmien il-pandemija, inkluż meta nħarġu l-vouchers. Spjega li dik l-għajnuna kollha waslet biex Malta tkompli trendi ekonomija stabbli.

Bħala eżempju Scembri semma s-suppliment tal-paga li, fi kliemu, assigura inqas piż minn fuq min iħaddem filwaqt li assigurat xogħol u ħlas fis lill-ħaddiem. Skont Schembri din ħadmet, u fuq kkwota dak li qal Robert Abela nhar il-Jum il-Ħaddiem: “issa għadna l-inqas rata ta’ qagħad li qatt kellna fl-istorja ta’ pajjiżna, inqas minn elf persuna.” 

Schembri semma wkoll il-miżura tal-postponiment tat-taxxi li ħalliet negozji żgħar jibqgħu għaddejin bl-investimenti tagħhom u fil-fatt skont Scembri l-investiment fil-preżent żdied. 

Il-Ministru saħaq li miżura importanti kienet ukoll dik tal- vouchers kellha li l-għan tagħha kien li jiġi stimulat il-konsum. 

“Għamilniha dan għax kien perjodu fejn l-attività soċjali kienet ingħalqet u kien ġie kważi rrakomandat mill-Gvern biex dik l-attività soċjali u ekonomika tonqos. Għalaqna l-ħwienet, l-operat tar-restoranti u s-safar u għalhekk riedna naraw li noħorġu inċentiv li filwaqt li l-attività tkun waħda kajmana tkun waħda b’saħħtiha minn aspett finanzjarju,” kompla Schembri.

Kien hawn li l-Ministru saħaq li f’dan l-istadju il-Gvern mhux qed jara l-bżonn li jinħarġu l-vouchers għax issa l-konsum irranka u l-figuri huma b’saħħithom.

Schembri saħaq li dan ma jfissirx li l-Gvern mhux se juża’ l-figuri ta’ dawn l-aħħar xhur biex jibd’ jippjana l-baġit minn issa iżda għalih din tfisser li “l-Gvern għandu l-libertà li jimplimenta liema miżura jidhirlu se timmotiva s-sitwazzjoni ekonomika.”

Xi jfisser għall-pajjiż jekk noħorġu mil-lista l-griża?

Hawn, il-programm mill-Kamra għadda biex jitkellem mal-Ministru dwar il-lista l-griża. Issa li Ġunju qiegħed joqrob, qed toqrob ukoll id-data li fiha Malta tiġi evalwata mill-FATF għal darba oħra bit-tama li toħroġ minn din il-lista. Malta se tkun ilha sena fuq din il-lista iżda skont il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri dan huwa l-aqwa żmien biex issir din l-evalwazzjoni u l-pajjiż joħroġ mil-lista.

Il-Ministru assigura li l-istituzzjonijiet kollha għamlu dak kollu li kellu jsir sabiex Malta toħroġ mill-lista l-griża fl-inqas żmien possibli. Spjega ukoll kif jeħtieġ li nibqgħu kawti iżda dan hu l-ħin opportun biex Malta twassal messaġġ fuq livell internazzjonali, li “pajjiżna għamel avvanzi kbar.”

Hawn il-Ministru ġie mistoqsi xi jkun ifisser għal ekonomija Maltija jekk pajjiżna finalment joħroġ mil-lista li l-FATF poġġietna fiha f’Ġunju tal-2021. Schembri sostna li dan primarjament ifisser li Malta hi pajjiż ta’ reputazzjoni tajba u fl-aħħar minn l-aħħar ikun kemm kważi serħan il-moħħ ta’ kif jimxu l-affarijiet ‘il quddiem.

“Il-ħin ukoll hu ideali biex Malta toħroġ mill-lista issa. Dan għaliex qegħdin f’perjodu li l-ekonomija f’livell internazzjonali qed terġa’ tibda taqbad ritmu wara l-pandemija. Din nistgħu nużawha bħala opportunità biex nippromwovu pajjiżna fis-suq internazzjonali,” temm jgħid dwar dan Schembri.

‘Mhux kwistjoni ta’ sempliċiment numri’ 

Iżda l-pandemija mhijiex l-unika ħaġa ħalliet impatt fuq ekonomija. Fil-fatt il-Gvern Malti diġà indika li se jgħin biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u qed jgħin ukoll l-importaturi tal-qamħ, żewġ setturi prattikament ipparalizzati mill-gwerra bejn Ukrajna u r-Russja.

Kien hawn li mill-Kamra staqsa lill-Ministru dwar kif dawn l-inċentivi se jaffetwaw l-ekonomija ta’ Malta u fi ftit kliem wieġeb li din “mhux kwistjoni ta’ numru.” Minflok Scembri staqsa mistoqsija hu: “F’nuqqas ta’ dik l-għajnuna x’se jkunu l-effetti negattivi fuq l-ekonomija?” 

Stqarr li l-familji Maltin u Għawdxin għadhom kif joħorġu minn sentejn u nofs ta’ inċertezza għall-ewwel darba b’aktar libertà u b’kważi l-ebda restrizzjoni.

“Ħerġin wara sentejn u nofs ta’ inċertezza u sagrifiċċji fejn il-Gvern intervjena biex iżomm kemm jista’ ċ-ċertezza fil-pajjiż u jserraħ moħħ il-familji bl-għajnuna li kien qed jagħti imma wkoll lin-negozji biex l-attività ekonomika tibqa’ għaddeja,” tenna l-Ministru.

Il-Ministru qal li dik l-għajnuna waslet biex ir-rota ekonomika tibqa’ għaddejja anke bil-limitazzjonijiet tagħha. Insista li l-istess se jiġri issa għax il-Gvern mhux se jagħmel bħall-pajjiżi oħra, li skontu, mhux jintervjenu fil-prezzijiet tal-enerġija.

L-intervista kollha mal-Ministru Schembri se tixxandar fuq il-programm Mill-Kamra nhar il-Ħamis fuq TVM News+ fis-6:30 p.m

More in Politika