Fl-2017 il-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni li Schembri kien vjaġġa minn Dubaj lejn ir-Renju Unit
L-Ispettur li qed imexxi l-Prosekuzzjoni kontra Ryan Schembri qal li ma jistax jifhem kif l-awtoritajiet Maltin qatt ma aġixxew dwar din l-informazzjoni

minn Yendrick Cioffi

Waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Ryan Schembri, il-Prosekuzzjoni żvelat kif fl-2017, il-Pulizija Ingliża kienet infurmat lill-Pulizija Maltija li Schembri kien vjaġġa minn Dubaj għar-Renju Unit.
L-Ispettur Anthony Scerri, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni qal li hu ma setax jifhem kif l-awtoritajiet Maltin qatt ma aġixxew dwar din l-informazzjoni.
Il-Maġistrat Frendo Dimech, skantata dwar dan talbet għall-informazzjoni kollha li l-Pulizija kellha fuq dan l-inċident.
Dan ħareġ hekk kif illum bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Ryan Schembri li qed jiffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus u frodi. Huwa kien is-sid tal-katina ta’ More Supermarkets, liema kumpanija kienet falliet.
Waqt is-smigħ tal-lum, l-Ispettur ta’ dettalji ta’ kif Schembri ħarab minn Malta. Skont il-Prosekuzzjoni, l-eks mara ta’ Schembri spjegat kif l-akkużat kien qalilha biex tippakja ħwejjiġha, ħabta u sabta, għax kienu se jaħarbu. Skont l-eks mara tiegħu, Schembri deher imbeżża’ u konfuż.
Huma kienu ħarbu minn Malta flimkien ma’ binhom. Kienu marru Sqallija u minn hemm qabdu titjira lejn Amsterdam u mbagħad lejn Dubaj.
Għexu għal xi żmien f’Dubaj qabel marru l-Awstralja għal ftit żmien. Eventwalment reġgħu marru Dubaj.
Hija qalet lill-Pulizija li Schembri dejjem ħallas bi flus kontanti. Eventwalment hi u binha kienu ddeċidew li jmorru r-Renju Unit sakemm jirritornaw Malta. Schembri kien iddeċieda li jibqa’.
Kienet ċitazzjoni dwar sewqan b’veloċità eċċessiva li daħħlet lil Schembri fl-inkwiet. Schembri kien arrestat l-għada fl-Iskozja u ġie estradit lejn Malta.
Waqt l-interrogazzjoni tiegħu huwa qal lill-Pulizija li kien qed jaħdem fuq proġett kbir biex ikun jista’ jħallas lura lil dawk li selfuh il-flus.
Qal lill-Pulizija li kellu żewġ kumpaniji waħda fir-Renju Unit u l-oħra fis-Seychelles. Il-Prosekuzzjoni qalet li sa issa ma għandha l-ebda informazzjoni dwar din il-kumpanija tas-Seychelles.
Il-Pulizija Skoċċiża ikkonfiskat ukoll żewġ Macbook laptops, kompjuter u anke mowbajl iżda Schembri ma riedx jgħidilhom il-passwords.
Instabu wkoll diversi kontijiet bankarji fir-Renju Unit li huma marbuta ma’ Schembri imma ma nstabet l-ebda propjetà li kienet f’ismu. Skont il-Pulizija Skoċċiża, fi żmien li dan jgħix fir-Renju Unit, Schembri għex ħajja komda.
Schembri jitraferixxi €25 miljun f’kont f’Dubaj
Francois Dalli, li qed jidher parte civile, żvela wkoll kif Adrian Agius ‘Tal-Maksar’ qal lill-Pulizija li Ryan Schembri kien ittrasferixxa €25 miljun f’kont f’Dubaj.
Agius, li kien direttur tal-istess More Supermarket jinsab ukoll akkużat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.
L-Ispettur Anthony Scerri kompla jispjega kif f’Novembru 2020 kien ingħata fajl bi tliet rapporti li fihom Darren Casha kien qed jallega li Schembri ffrodah miljuni ta’ ewro.
Schembri kien ħarab minn Malta f’Settembru 2014, bil-Prosekuzzjoni tispjega li dan seħħ immedjatament wara li beda l-proċeduri biex jitraferixxi n-negozju tas-supermarket lil Casha. Dak iż-żmien, Casha, kellu l-impressjoni li l-katina tal-More Supermarkets kienet b’saħħitha finanzjarjament.
Scerri spjega kif fl-2013, Casha kien daħal bħala garanzija għal Adrian Zammit li kien ta’ madwar €2 miljun f’ċekks lil Schembri għal negozju li kienu se jibdew. Huwa aġġixxa wkoll bħala garanzija għal ċertu kumpanija jisimha Copacabana.
Casha kien iltaqa’ ma’ Schembri fil-Libja u kienu qablu li jidħlu fin-negozju ma’ ċertu Mohammed li kien imexxi l-kumpanija Copacabana. Schembri kien issuġġerixxa trademark bl-isem ta’ “Sorriso.”
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif skont Casha, meta d-diffikultajiet finanzjarji kienu ċari, Schembri kien issuġġerixxa li jitraferixxi l-ishma ta’ More Supermarkets fuqu.
Dan it-traferiment kien sar permezz ta’ kumpanija ta’ awditjar li għażel Casha stess. Madanakollu Casha spjega mal-Pulizija kif wara li Schembri ħarab minn Malta, il-kredituri bdew ġejjin jitolbu għall-flus. Kien hawn li nduna li l-kumpanija kellha ħafna dejn.
L-Ispettur beda jagħti dettalji oħra dwar kredituri li baqgħu b’xejn. Ċertu Steve Delia kien sellef madwar €115,000 lil Schembri iżda meta rċieva lura ċekk biex iħallsu, dan ma setax jissarraf għax flus ma kienx hemm.

.jpeg)