Ir-raġel wara l-ortensja ta’ Jum l-Omm u l-warda f’Jum San Valentinu ... L-ILLUM tiltaqa’ mal-Meme

Il-Malti jgħid “April jagħmel il-fjuri u Mejju jieħu l-unuru,” iżda din id-darba l-unur hu kollu tal-Meme, il-bejjiegħ tal-fjuri ġewwa Ħal Tarxien. Mill-ortensja ta’ Jum l-Omm sal-ward ta’ San Valentinu flimkien ma’ ħarsa lejn il-ħajja ffjurita u kkulurita ta’ Stephen Schembri il-Meme

Minn ħajja ġdida sal-mewt, mill-purità għall-passjoni, il-fjuri għandhom tifsiriet u simboliżmu kemm trid fejn jidħlu l-ħrejjef u l-leġġendi. Mill-blanzuni assoċjati maż-żogħżija għal meta l-fjura tibda titbiel, il-fjuri jirrappreżentaw fraġilità u l-passaġġ mgħaġġel mill-ħajja għall-mewt. Għaldaqstant il-fjuri huma wkoll ir-rigal li kulħadd jaħseb fih malli jaslu ġranet bħal San Valentinu, jew inkella dik tal-lum, Jum l-Omm.

Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM żaret lil Stephen Schembri magħruf aħjar bħala l-Meme, bejjiegħ tal-fjuri ġewwa Ħal Tarxien. Għaldaqstant, mal-Meme il-gazzetta ma tkellmitx biss fuq il-fjuri anzi tkellmet ukoll fuq il-ħajja kkulurita tiegħu, fuq l-iktar mumenti diffiċli f’ħajtu imma ukoll dwar kif nibtet din il-karriera mix-xejn.

‘Nannti rabbiet lil ħutha u minflok Mamà kienu jgħidulha Meme’

Il-gazzetta ma setgħetx ma tistaqsiex lil Meme min fejn oriġina l-laqam uniku tiegħu. Huwa wieġeb li oriġinarjament kien isem nanntu, mhux il-propja iżda dak li tawha ħutha.

“Il-bużnanna tiegħi kienet tballat il-bjut. Kienet waqgħet residenza fil-Qrendi u magħha waqgħet omm in-nanna. In-nanna kellha trabbi lil ħutha u minflok mamà kienu jgħajtulha me me me, u dik saret Meme.”

Jgħid li ġewwa Ħal Tarxien kulħadd baqa’ jafha bħala l-Meme u saħansitra d-dar kienu jgħidulha tal-Meme wkoll.

“Kont immur iċ-ċentru taż-żgħażagħ u kulħadd kien jgħidli hawn Meme, allura minn hemm bdiet li f’Ħal Tarxien jafuni Meme mhux b’ismi Stephen. Ġiet awtomatika li nsemmi n-negozju Meme, u issa kumbinazzjoni fejn se niftaħ il-ħanut, twieldet in-nanna wkoll.”

‘L-ewwel darba li dħalt naħdem fil-fjuri kien f’Jum San Valentinu u bdejt ngħid: hawn fejn dħalt?”

Minkejja li l-karratru uniku tal-Meme ma jtikx biex taħseb li qatt kien jagħmel xogħol ieħor, huwa beda jaħdem il-fjuri madwar 10 snin ilu. Irrakkonta mal-ILLUM kif beda jaħdem man-nies ibigħ il-fjuri wara li kien tilef ix-xogħol. 

“Kont naħdem ġo uffiċċju u spiċċajt bla xogħol imma bdejt f’Jum San Valentinu. Dak kien l-ewwel weekend li bdejt. Kellna wisq xogħol x’nagħmlu u għidt “hawn fejn dħalt jien?” Filli kont f’uffiċċju u f’daqqa waħda ġejt ġo dan il-ġenn kollu tal-fjuri!”

Spjega li l-fjuri għalih huma xi ħaġa sabiħa iżda kellu jgħaddi ftit taż-żmien biex vera jibda jieħu gost jaħdem dan ix-xogħol. Qal lill-ILLUM kif qatt ma kien jobsor li se jaħdem bħala bejjiegħ tal-fjuri u li kieku kont tistaqsih meta kien żgħir x’kien se jaħdem la jikber, kien iwieġeb b’mitt xogħol ieħor minbarra dan.

Il-Meme stqarr li minkejja dan minn dejjem, kien iħobb il-ġnien. L-iktar għax kien jara lin-nanna tiegħu tħawwel u tirranġa fil-ġnien tad-dar. Huwa evidenti issa li wara 10 snin fis-settur u sitt snin jaħdem għal rasu, il-Meme sar iħobb il-fjuri iktar minn qatt qabel. Imma li kieku kellu jagħżel fjura li tirrappreżenta l-karratru tiegħu xi tkun?

Ir-Re tal-fjuri: il-ward ta’ David Austen

Il-Meme jagħżel il-warda Ingliża bl-isem ta’ David Austen bħala l-fjura li l-aktar tirrappreżentah. Għal min ma jafx b’din il-fjura forsi jgħid “ara xi ħlew” u l-istorja tieqaf hemm. Min-naħa l-oħra, wara d-diskursata li kellha l-gazzetta mal-Meme u naqra għarfien dwar din il-fjura, jista’ jiġi konkluż li Stephen Schembri il-Meme ma setax jagħżel fjura aħjar!

Imsemmiha għal kultivatur li ħoloqha, id-David Austen hija warda Ingliża żgħira li minkejja ċ-ċokon tagħha ikkumparat mal-ward li mdorrijin naraw, tfur bl-irwejjaħ u l-possibiltà fil-kuluri tagħha ma jispiċċaw qatt. 

Tajjeb ngħid li l-kulvatur David Austen, meqjus bħala r-Re tal-Ward fl-Ingilterra, kien il-persuna li għamel l-arranġamenti tal-fjuri għall-Inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II, avveniment li baqa’ popolari sal-ġurnata tal-lum. Dan jibqa’ wieħed mill-aktar xogħlijiet memorabli għal Austen għax intużaw fih dan it-tip ta’ ward biex isiru numru ta’ slaleb bil-fwieħa tal-mirra, riħa li kienet rari fil-ward qabel l-isforzi ta’ Austin.

‘Żmien il-Milied l-iktar li nħobb naħdem, ikolli iktar fjuri x’nagħżel ... ikolli fejn nimrah’

Lura għal Meme, fejn b’għajnejh illequ bil-passjoni għal dan ix-xogħol jgħid lill-gazzetta dwar iż-żmien li l-iktar iħobb jaħdem fih, dak tal-Milied.

Jirrakonta kif għalissa għadu jaħdem fuq bażi part-time, iżda issa se jiftaħ il-ħanut ġdid tiegħu fejn jibda jaħdem full-time daqt, propju ftit xhur qabel il-Milied.  

“Ikolli ħafna bukketti, ħafna arranġamenti, ikolli t-tiġijiet ukoll. Ikolli biex nista’ narma għax fi żmien il-Milied ikolli iktar għażla. It-temp ikun favur il-fjuri wkoll għax tkun il-kesħa u l-fjuri jgħixu aktar.”

Apparti l-bukketti u tiġijiet, jgħid li jkollu bosta ordnijiet għal dekorazzjonijiet fejn jarma d-djar u anke l-knejjes. Dan għal Meme huwa l-isbaħ żmien. 

Il-Meme spjega mal-ILLUM li hu jagħmel ukoll l-bukketti fiż-żewġ festi ta’ Ħal Tarxien, dik tal-Marija Annunzjata u tal-Madonna tad-Duttrina. F’dan iż-żmien ikollu bosta ordnijiet biex it-Tarxiniżi jarmaw id-djar tagħhom speċjalment b’arranġamenti fuq l-imwejjed tal-pranzu u tal-kafè.

‘Il-mewta tan-nannu ħassejtha wisq! Ma rridx ninstema’ ħażin imma mnalla kienet il-Covid għax gawdejtu iktar

Stephen irċieva appoġġ kbir minn familtu meta ddeċieda jsir bejjiegħ tal-fjuri b’mod partikolari mill-mibki nannuh. Jirrakonta kif bħal dan iż-żmien kien jimla l-ġnien sa ruħ ommu bil-fjuri. Nannuh kien jgħaddi bil-mod minn mal-bieb, ħosbien. “Dan se tbiegħhom kollha Steph?” kien jistaqsih, “għax qed tinkwetani.” Sal-Ħadd ma kienx ikun baqa’ fjura waħda iżda f’nofs il-ġenn nannuh kien jerġa’ jgħaddi u jgħidlu “x’hemm għalija?” u b’ton inkejjuż il-Meme kien jgħidlu “issa naraw Nann.”

“In-nannu kien kuntent ħafna bid-deċiżjonijiet li nagħmel u kien jgħidli “la kuntent int, kuntent jien.”

Stephen jgħid lill-gazzetta ILLUM li l-iktar mument ta’ niket f’ħajtu kien il-mument li tilef lin-nannuh f’nofs pandemija, l-aktar għal mod li tilfu. 

“Kont hawn id-dar għax kont kwarantina u hu waħdu jmut bejn erba’ ħitan fl-isptar. Naħseb l-unika ħaġa li n-nannu qatt ma xtaq hi li jmut waħdu. Kien jgħidilna “tħallunix immut waħdi.”

B’rimors f’leħnu, Stephen jgħid li nannuh dejjem ried li jmut f’dahru, imdawwar minn familtu jekk hemm xi ċans. Stephen kien jgħix man-nanniet tiegħu għall-dawn l-aħħar għaxar snin. Jgħid li lil nanntu ma tantx gawdiha għax tilifha sentejn wara li mexa d-dar iżda n-nannu gawdih sew.

“Nirringrazzja l-Bambin, ma rridx ninstema’ ħażin, li faqgħet il-pandemija. Għax dik is-sena gawdejtu ħafna, kont naħdem dejjem mid-dar u kien il-ħin kollu jdur miegħi. Konna nilletikaw ħafna għax kien iqabbiżommli imma dik normali meta tgħix ma’ xi ħadd. Kellu rasu iebsa u jien ukoll rasi iebsa, jaf forsi għalhekk,” qal bi tbissima.

L-ILLUM talbitu jirrakonta storja li jibqa’ jiftakar dwar nannuh. Stephen jgħid li nannuh ma kien jagħti kas xejn. L-unika ħaġa li kien jagħti kas kienet il-festa li skont Stephen kienet l-ikbar avveniment tas-sena għal nannuh tant li kien “jaqla’ kollox f’Mejju.”

“In-nannu tiegħi kien mastrudaxxa allura jekk kien ikun hawn bieb li qiegħed ħażin, fil-festa jaqilgħu. Kont ngħidlu “madoffi 12 il-xahar fis-sena, trid tivvinta taqla’ oġġett f’Mejju? Jien kont nieħu ħsieb id-dar, il-mument li naqbad il-faċendi, kont nieħu qatgħa għax kien jiġi jixkatlali!”

Intant Stephen jgħid li dawn il-battibekki ċkejkna issa jgħożżhom, l-istess bħal meta minn ġol-ħġieġ kien jarah jitbissimlu meta jkun qed jirranġa l-fjuri.

‘Nirringrazzja l-Bambin li l-għada kelli tieġ’

In-nannu ta’ Stephen miet fis-7 ta’ Diċembru tal-2020 u minħabba l-Covid indifen fl-istess ġurnata. Dik is-sena x-xogħol kien naqas tant li kellu biss żewġ tiġijiet, wieħed minnhom f’Awwissu. It-tieni tieġ, il-Mulej rid li jsir propju l-għada tal-funeral tan-nannu tal-Stephen. Mal-ILLUM jgħid li jirringrazzja l-bambin kif ġew l-affarijiet. It-tieġ ma kienx se jaħdem fuqu u għalhekk lill-għarusa, ħabiba tiegħu, qalilhali m’għandux moħħ. 

“Dakinhar qomt, fit-8 ta’ Diċembru, mort is-sala u bdejt narma. Naħliflek kont imkisser, imma dak il-ħin għidt għalxejn se noqgħod fis-sodda. Jien għamilt biss is-sala, il-knisja u l-għarusa ħallejthom f’idejn ħabib tiegħi.”

Il-gazzetta ILLUM staqsietu kif mexa’ ‘l quddiem minn dak in-niket u jistqarr li Diċembru kien wieħed bieżel iktar minn matul is-sena. Jgħid li sa Jannar kien reġa’ qabad ir-rutina ta’ kuljum iżda qabad jimmisjah ħafna. 

“Sena wara, qed nidra sa ċertu punt imma għax naf li qiegħed kuntent żgur, jitbissem.”

‘Dan iż-żmien il-fjuri saru jsiru skont l-istil tat-tieġ’

Induru fuq it-tiġijiet. Ġimgħa ilu mal-gazzetta ILLUM tkellmu organizzaturi, sidien tas-swali u persuni fil-catering u saħqu li x-xogħol qed jiċċaqlaq u l-interess qed jikber. Fil-fjuri jidher li s-sitwazzjoni hi waħdi simili, għalhekk il-gazzetta staqsietu jekk għadux moda li l-għarusa toħroġ bil-bukkett abjad.

 

Il-Meme jispjega li għad hawn min jordna bukketti bojod iżda l-moda inbidlet. 

“L-ewwel ħaġa li nistaqsihom hi dik: “Tixtieq xi ħaġa li toħroġ iktar mal-libsa?” Tinsiex li l-libsa diġà tkun bajda, lewn ix-xampanja jew cremè, meta jkollok kulur ieħor narah li jinqala’ aktar il-bukkett.”

Jgħid mal-ILLUM li llum il-ġurnata l-fjuri jimxu aktar mal-istil tat-tieġ. Hawn għarajjes li pereżempju jagħżlu stil klassiku u l-fjuri jikkumplimentaw dak l-istill. Dan apparti li għal kull staġun hemm kuluri abbinati miegħu.

“Fir-rebbiegħa u fis-sajf nużaw ħafna l-kuluri ċari. Fil-ħarifa nużaw iktar l-oranġjo u kuluri skuri bħal kannella, għax dan iż-żmien hawn kull tip ta’ fjuri issib. Imbagħad għal Milied, jibda jidħol l-aħmar. Illum l-abjad jidħol fil-knisja biss, imma imbagħad għandek fejn tesperimenta.”

Naqbżu għall-Jum l-Omm: X’inhi l-fjura ta’ Jum l-Omm?

Il-fjura uffiċjali ta’ Jum l-Omm madwar id-dinja hija l-qronfla. Dan wara li l-fundatriċi ta’ din il-ġurnata, Anna Jarvis qasmet qronfla fl-ewwel ċerimonja ta’ Jum l-Omm ġewwa l-Amerika. 

Mistoqsi mill-ILLUM dwar l-aktar fjura li tinbiegħ f’Jum l-Omm f’Malta, il-Meme jgħid li iktar minn fjuri, tinbiegħ l-Ortensja, pjanta bi fjur żgħar l-iktar fil-lewn roża.  Apparti li hu żmienha, ir-roża jilgħab fattur importanti f’Jum l-Omm minħabba li huwa s-simbolu tal-kompassjoni u t-trawwim.

“Hemm kwantità kbira ta’ fjuri li jistgħu jinbiegħu f’Jum l-Omm imma l-aktar li jinbigħ hu r-roża. Iktar mill-fjuri, inbiegħ l-ortensja fil-fatt inbiegħ madwar mitejn ortensja f’temp ta’ jumejn.”

Il-Meme sostna li l-ward ma jintużax f’San Valentinu biss u jaħseb biex ikollu numru kbir ta’ ward roża lesti għal din il-ġurnata 

“Dan iż-żmien hawn ħafna iktar kuluri ta’ ward, hemm il-blu u l-abjad, l-isfar u anke qawsalla sħiħa f’warda waħda. Imma bħalma f’San Valentinu jinbiegħu eluf ta’ ward aħmar, matul Jum l-Omm jinbigħ l-aktar il-ward roża.”

Dan l-aħħar skont il-Meme saru moda wkoll il-fjuri nexfin u għalhekk din is-sena se jġib bukketti ta’ dawn il-fjuri wkoll.

More in Politika