Farrugia jisħaq li l-Gvern qed jaħdem fuq 'erba' jew ħames proġetti kontroversjali għat-toroq'

Il-Ministru saħaq li dawn il-proġetti se jkunu mħabbra fix-xhur li ġejjin iżda wiegħed konsultazzjoni mal-NGOs u dawk kollha interessati

Il-Ministru l-ġdid responsabbli mit-Trasport u l-Infrastruttura saħaq li l-Ministeru qed jaħdem fuq proġetti kbar “kontroversjali” waqt li wiegħed aktar investiment biex il-pajjiż ikollu infrastruttura aħjar biex tlaħħaq mat-tkabbir ekonomiku.

Farrugia qal dan meta kien qed ikun intervistat waqt il-programm XTRA fuq TVM News Plus. 

Huwa qal li hemm madwar erba’ jew ħames proġetti li jistgħu jkunu kontroversjali u li se jkunu mħabbra dalwaqt.

Il-Ministru ma elaborax dwar dawn anke jekk il-Gvern kien diġà beda jaħdem fuq żewġ proġetti li ġew ikkritikati u li dwarhom diġà hemm l-oġġezzjoni tar-residenti u anke organizzazzjonijiet ambjentali.

Dawn huma l-proġett tal-Imsida li jinkludi l-bini ta’ flyover jgħaqqad il-pjazza prinċipali mat-Triq Reġjonali u anke l-proġett ta’ Ħal Qormi li se jkun jinkludi l-bini ta’ flyover li jgħaqqad il-bypass tal-Imrieħel maż-żona industrijali.

Mill-2017 ‘l hawn, il-Gvern investa madwar €100 miljun fis-sena fuq proġetti infrastrutturali bħala parti minn pjan ta’ seba’ snin li jammonta għal €700 miljun. Dan ifisser li l-Ministru Farrugia wiegħed din il-wiegħda tal-Gvern. 

Il-Ministru saħaq li se jkun qed jitkellem mal-NGOs u anke mal-istakeholders biex joħloq proġetti sostenibbli. Madanakollu saħaq li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Ministru li jrid jiddeċiedi.

More in Politika