Jinċita t-tfigħ ta' bajd u tadam lejn id-Deputati tal-PN; Repubblika jitolbu lill-Ministru jieħu passi

Il-President tal-NGO Repubblika jikteb lill-Ministru Byron Camilleri biex jieħu passi kontra d-Direttur għall-Istudji fl-Akkademija tal-Forzi Dixxiplinati ta’ Malta

John Cassar Ellul
John Cassar Ellul

Il-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquilina, kiteb lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri biex jieħu passi konta d-Direttur għall-Istudji fl-Akkademija tal-Forzi Dixxiplinati ta’ Malta.

Dan wara li John Cassar Ellul, fuq Facebook, inċita lill-pubbliku biex “jitfa’ bajd u tadam” lejn id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista meta jkunu ħierġa mill-Parlament.

Fl-ittra, Aquilina saħaq li dan l-aġir huwa “inaċettabbli” aktar u aktar għax qed isir minn persuna responsabbli mit-taħriġ tal-Pulizija, is-suldati u l-membri tal-Korpi Dixxiplinati.

“Ma jistax ikun li min għandu fdat f’idejh it-taħriġ tal-membri tal-korpi dixxiplinati tagħna jġib ruħu b’dan il-mod xokkanti,” saħaq Aquilina.

Għalhekk talab lill-Ministru biex jieħu passi biex il-Gvern jagħmilha ċara li dan l-aġir mhuwiex wieħed aċċettabbli.

L-ittra ġiet mibgħuta wkoll lill-Prim Ministru Robert Abela.

More in Politika