Anton Refalo ma jweġibx dwar jekk hux minnu li ġie interrogat mill-Pulizija

Skont rapporti, il-Ministru ġie interrogat wara li sar magħruf li fir-residenza privata tiegħu hemm blata storika ta’ żmien ir-Reġina Vittorja

Il-Ministru Anton Refalo ma weġibx mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk kienx interrogat bi twissija mill-Pulizija dwar blata storika ta’ żmien l-Ingliżi li tinsab fil-bitħa tar-residenza tiegħu. 

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar rapporti li ġie interrogat mill-Pulizija, Refalo qal li ħareġ żewġ stqarrijiet dwar dan is-suġġett u insista li ma għandux aktar xi jżid.

Ritratti li kienu ġew ippubblikati fuq Facebook juru blata storika ta’ żmien li Malta kienet kolonja tal-Ingilterra u fuqha hemm imnaqqxa l-inizzjali VR (Victoria Regina).

Fi stqarrija maħruġa fit-18 ta’ Frar, il-Ministru kien qal li stieden lis-Supretendenza tal-Wirt Nazzjonali biex iżuru r-residenza privata tiegħu u jaraw din il-blata.

Refalo qal li “kulħadd jaf” bl-imħabba tiegħu lejn il-wirt kulturali Malti u l-istorja tal-pajjiż u se jkun qed jagħmel minn kollox biex jippromwovi l-preservazzjoni tiegħu.

Is-Supretendenza kienet fil-fatt ikkonfermat li din il-blata tinsab fir-residenza tal-Ministru.

Il-Ministru mhux iwieġeb dwar kif akkwista din il-blata u jew huwiex minnu li ġie interrogat taħt twissija.

Lanqas ma wieġeb jekk hux se jirriżenja u jekk jaħsibx li huwa tajjeb li Ministru jkun interrogat mill-Pulizija.

More in Politika