Il-kunċett tan-newtralità ta’ Malta għadu addattat? ‘Hemm bżonn li ssir diskussjoni serja’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Dr Valentina Cassar, Senior Lecturer fl-Università fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali 

Dr. Valentina Cassar
Dr. Valentina Cassar

“Hemm bżonn li ssir diskussjoni serja dwar in-newtralità ta’ Malta. Mhux qed ngħid li għandna narmu dan il-kunċett imma f’perjodu bħal dan, meta jqum kunflitt viċin tagħna, dejjem tqum id-diskussjoni dwar jekk dan għadux kunċett addattat jew le.” Hekk saħqet mal-gazzetta ILLUM Dr. Valentina Cassar, Seniour Lecturer fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Università ta’ Malta u li fost oħrajn tispeċjalizza fil-politika barranija tal-Istati Uniti u anke r-Russja.  

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Cassar fid-dawl tal-fatt li ftit tal-jiem ilu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg stieden lill-President Ukrejn Volodymr Zelensky biex jindirizza l-Parlament Malti. Zelensky fil-fatt se jkun qed jindirizza l-Parlament Malti nhar it-Tlieta stess fl-4pm. 

Ma’ Cassar, il-gazzetta ILLUM tkellmet dwar il-fatt li wara li r-Russja bdiet tipprova tinvadi lill-Ukrajna, pajjiżi oħra Ewropej u li huma newtrali, bħalma huma l-Fillandja u l-Iżvezja, bdew iħarsu lejn sħubija fin-NATO, alleanza militari li tiġbor fiha xejn inqas minn 30 pajjiż. 

Cassar bdiet tfakkar li anke jekk fl-Ewropa u fi ħdan l-Unjoni Ewropea hemm pajjiżi oħra, apparti Malta li huma newtrali, in-newtralità tagħhom u r-raġunijiet għaliha jvajraw u huma partikolari għal kull pajjiż. Fi kliemha, in-newtralità ta’ Malta hija differenti minn dik tal-Fillandja u l-Iżvezja li għandhom kapaċitajiet militari akbar, fost fatturi oħra. 

Insistiet li d-dibattitu fil-Fillandja u l-Iżvezja dwar is-sħubija fin-NATO beda qabel Frar li għadda imma l-invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja aċċellerat dan id-dibattitu. 

‘Imbilli mhux parti min-NATO ma jfissirx li aħna waħedna’ 

Saħqet li anke jekk Malta mhijiex membru tan-NATO, ma jfissirx li ma għandha l-ebda relazzjoni ma’ din l-organizzazzjoni. Biss biss Malta diġà tipparteċipa fil-programm tan-NATO, magħruf bħala Partnership for Peace (PfP).  

Kompliet tfakkar li Malta hija wkoll membru tal-Unjoni Ewropea u fi ħdanha stess hemm diversi klawżoli dwar difiża militari u għalhekk Malta diġà mhijiex waħedha fejn tidħol id-difiża internazzjonali. 

‘Irridu nifhmu eżatt xi nfissru meta ngħidu li aħna pajjiż newtrali’ 

Kien hawn li saħqet li hemm bżonn dibattitu serju dwar in-newtralità ta’ Malta. Insistiet li l-Kostituzzjoni ta’ Malta, meta titkellem fuq in-newtralità, diġà tagħti lok għal ħafna interpretazzjonijiet u modi kif din tista’ tkun implimentata. 

Kompliet tisħaq li Malta hija parti minn komunità internazzjonali u llum il-ġurnata mhijiex newtrali politikament bħalma kienet pereżempju fi żmien il-Gwerra Bierda. Illum Malta ma tiddejjaqx tieħu pożizzjoni. 

“Hemm bżonn li ssir din id-diskussjoni serja u miftuħa. Naraw x’inhuma l-benefiċċji u r-restrizzjonijiet tan-newtralità tagħha, fost oħrajn. Irridu nistaqsu jekk għandnix diġà biżżejjed għajnuna u koperazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea,” insistiet. “Irridu nifhmu eżatt xi rridu nfissru meta ngħidu li Malta hija pajjiż newtrali u kif nistgħu nimplimentawha fil-kuntest ta’ realtajiet ġodda bħalma huwa l-kunflitt fl-Ukrajna u l-ordni ġdida globali li se tinħoloq wara dan il-kunflitt.” 

‘Malta diġà tilgħab rwol importanti fid-diplomazija internazzjonali’ 

Komplejna nitkellmu dwar l-irwol li tista’ tilgħab Malta fid-dawl tal-kunflitt u jekk kinitx għaqlija d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jistieden lill-President Zelensky biex jindirizza lill-Parlament. 

Cassar saħqet li bħala pajjiż żgħir u newtrali, l-impatt li tista’ tħalli Malta huwa wieħed ristrett imma dan ma jfissirx li mhuwiex importanti. Insitiet li Malta tilgħab rwol importanti fid-diplomazija internazzjonali.  

Saħqet li għad-daqs tagħha, Malta għandha relazzjoni tajba u b’saħħitha ma’ diversi pajjiżi u tieħu pożizzjonijiet importanti, inkuż f’dan il-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja. 

Insistiet li kienet sinifikanti ħafna l-istedina tal-Gvern Malti biex Zelensky jindirizza l-Parlament u dan mhux fuq livell politiku biss, għax dan ikun qed jibgħat ukoll messaġġ ta’ appoġġ. 

‘Aħna parti mill-EU; Kull pożizzjoni ta’ Stat Membru hija importanti’ 

Fakkret li Zelensky indirizza diversi parlamenti nazzjonali oħra u indirizza wkoll il-Parlament Ewropew. Insistiet li fil-Parlament Malti, Zelensky x’aktarx li mhux se jitkellem fuq il-bżonn ta’ appoġġ militari kif għamel quddiem Parlamenti oħra, imma daqstant ieħor jista’ jkun messaġġ importanti, għax Malta diġà qed toffri appoġġ, taħt forom differenti lill-Ukrajna, inkluż għajnuna umanitarja. 

“Aħna parti mill-Unjoni Ewropea u l-pożizzjoni li jieħu kull stat membru hija importanti,” saħqet Cassar biex tenfasizza l-fatt li anke jekk Malta hija żgħira, dan l-indirizz ikun wieħed importanti anke għall-Ukrajna nnifisha. “Malta trid tkun hemm, tieħu sehem attiv fid-dibattiti u tindirizza l-bżonnijiet li hemm bżonn.” 

Ritratt mill-Arkivji
Ritratt mill-Arkivji

‘Aħna newtrali imma fl-2011 ukoll ħadna pożizzjoni ċara dwar il-Libja’ 

Biex torbot mal-kwistjoni tan-newtralità, fakkret li kif fl-2011 fi żmien il-kwistjoni tal-Libja, Malta wkoll ħadet pożizzjoni ċara fuq dak li kien qed jiġri u offriet l-għajnuna kollha, inkluż dik umanitarja kif qed tagħmel bħalissa. Dak iż-żmien ukoll kien qam dibattitu fuq in-newtralità ta’ Malta. 

“Ma jfissirx li għax aħna newtrali ma nistgħux nieħdu pożizzjoni ċara fuq dak li jkun qed jiġri madwarna,” insistiet. 

‘In-NATO u l-EU qed ikunu kawti ħafna...’ 

Il-biża’ ta’ bosta huwa li dan il-kunflitt se jkun qiegħed jinfirex u mhux se jieqaf mal-Ukrajna u għalhekk qed jisħqu li Malta aktar u aktar għandha toqgħod pass lura.  

Dwar dan, Cassar innutat kemm in-NATO u anke l-Unjoni Ewropea, fost oħrajn, qed ikunu kawti fid-deċiżjonijiet li jieħdu.  

“Qed jagħtu dak li jistgħu imma qed joqogħdu attenti biex ma jidħlux b’mod dirett f’dan il-kunflitt. Jekk jiġri hekk, imbagħad iva jkun hemm il-possibbilità jew il-periklu li l-kunflitt jinfirex,” insistiet. 

Il-President Russu Vladimir Putin
Il-President Russu Vladimir Putin

‘Ir-Russja wkoll qed tipprova tevita li jinfirex il-kunflitt’ 

Saħqet li anke r-Russja qed tipprova tevita dan. Innutat il-kliem iebes li qed juża l-President Russu, Vladimir Putin biex iwissi dwar ir-riperkussjonijiet serji li jista’ jkun hemm jekk pajjiżi jew organizzazzjonijiet oħra jintervjenu b’mod dirett biex jgħinu lill-Ukrajna tiġġieled lir-Russja. 

“Jiena naħseb li r-Russja ma għandhiex il-kapaċità militari u anke ekonomika biex tkun tista’ tiflaħ għal kunflitt bħal dan u qed tipprova tevitah,” insistiet.  

Madanakollu saħqet li s-sanzjonijiet li qed jiġu imposti qed ikollhom u se jibqa’ jkollhom impatt sinifikanti mhux biss fuq ir-Russja imma anke fuq l-Ewropa kollha. 

Iddeskriviet bħala pass importanti d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex ftit ftit tibda tnaqqas l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja bħala parti minn pakkett ta’ sanzjonijiet oħra kontra l-Kremlin, bil-għan li jkompli jonqos id-dħul tiegħu. 

Fakkret li deċiżjoni bħal din se jkollha impatt importanti u tanġibbli fuq l-infrastruttura Ewropea tal-enerġija, fost fatturi oħra. 

Temmet tisħaq li dan il-kunflitt se jkun qed iwassal biex l-Unjoni Ewropea tiżviluppa mod ġdid u tħares b’mod differenti lejn il-politika tad-difiża tagħha u insitiet li hawn Malta tista’ tħares u tikkunsidra wkoll opportunitajiet aktar b’saħħithom.  

More in Politika