‘Wasal iż-żmien li nerġgħu niddiskutu l-ħinijiet ta’ meta tiltaqa’ l-Kamra’ – L-ispeaker Anġlu Farrugia.

X’se jiġri nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju meta jiftaħ il-Parlament? L-ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia jiltaqa’ ma’ Albert Gauci Cunningham u jwieġeb il-mistoqsijiet 

Ritratt ta' James Bianchi
Ritratt ta' James Bianchi

L-Ispeaker Anġlu Farrugia jaħseb li għandhom jerġgħu jimxu l-ħinijiet tal-Parlament għal dawk aktar kmieni, jiġifieri filgħodu jew kmieni wara nofsinhar. Farrugia qed jikkunsidra li jekk din tkun ta’ problema, il-Parlament jista’ jnaqqas ġurnata u jibda’ jiltaqa’ filgħodu u kmieni wara nofsinhar, iżda jumejn biss fil-ġimgħa. Skont hu, minkejja li dan ifisser ġurnata inqas, ix-xogħol jaf ikun iktar produttiv għax “minn tliet seduti tagħmel erbgħa.” 

Fil-Programm Mill-Kamra huwa spjega kif matul l-aħħar leġiżlatura kienu ġew diskussi l-ħinijiet li fihom jiltaqa’ l-Parlament, li sa dak iż-żmien kienu pjuttost tard. Fil-fatt irrakonta kif żmien ilu l-Parlament kien jibda’ fis-6:00 p.m u l-plenarja kienet tibda’ fis-6:30 p.m. Fi ġranet partikolari il-Parlament kien jibqa’ għaddej sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.  

Intant, f’Jannar tal-2018, l-Uffiċju tal-Ispeaker kien ħabbar illi l-Parlament kien se jibda jiltaqa’ sagħtejn qabel (bejn l-4.00pm u s-7.30pm) sabiex il-Membri Parlamentari u l-ħaddiema tal-Parlament, tal-Ministeri u tal-gruppi Parlamentari jkunu jistgħu “jinġabru lura d-dar mal-familji tagħhom f’ħin diċenti.” 

Madankollu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia issa qed jgħid li wasal iż-żmien biex dawn il-ħinijiet jerġgħu jiġu diskussi. Huwa stqarr li forsi l-Parlament jista’ jieħu din l-opportunità speċjalment issa li “hemm iktar preżenza ta’ deputati nisa li għandhom familja x’jieħdu ħsieb eletti fil-Parlament.” 

Rigward dan huwa temm jgħid li importanti li “nagħmluha faċli għad-deputati biex jiltaqgħu għax mingħajr ma trid tkun qed toqtol id-dritt ta’ dak il-Membru Parlamentari biex jipparteċipa minħabba raġunijiet ta’ familja.” 

Pass pass ta’ dak kollu li se jkun qed iseħħ nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju 

Fil-Programm Mill-Kamra li se jixxandar nhar il-Ħamis li ġej fuq TVMNews+, l-Ispeaker Anġlu Farrugia spjega l-programm uffiċċjali tal-avvenimenti kollha li jsiru dakinhar li jiftaħ il-Parlament.  

Il-ġurnata tiftaħ b’quddiesa minn ġewwa l-Katidral ta’ San Ġwann, li mistiedna għaliha, jkun hemm mhux biss il-Membri Parlamentari iżda President, Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Dinjitarji barranin. 

Wara l-Clerk of the House Ray Scicluna jaqra l-proklama tal-President u jiddikjara l-Parlament miftuħ. Jaqra wkoll ir-riżultati tal-aħħar elezzjoni biex jiġġustifika kif inhu mqassam il-Parlament f’din il-leġiżlatura.  

Eżattament wara titressaq mozzjoni mill-Kap tal-Kamra Chris Fearne biex jinħatar l-Ispeaker tal-Kamra. Hemm fejn issir in-nomina ta’ Anġlu Farrugia, li din is-sena kienet diġà kkonfermata, u l-Kamra tieħu l-ewwel vot tagħha. La darba jintagħżel l-Ispeaker, l-istess proċedura tittieħed biex jintagħżel Deputat Speaker.  

Għall-ewwel darba fl-istorja, din is-sena il-ftuħ tal-Parlament se tara l-mozzjoni tal-co-option fil-konfront ta’ wieħed mill-Membri Parlamentari. Hawnekk qed nirreferu għal Randolph Debattista.  Ġaladarba din il-mozzjoni tgħaddi wkoll, Debattista jingħata l-ħatra tal-ġurament u jingħaqad fil-Kamra mal-membri l-oħra. 

Hawn fejn l-Ispeaker jissospendi l-Kamra u l-President tar-Repubblika George Vella jagħmel id-diskors tiegħu. Id-diskors li ma jkunx neċċesarjament miktub kollu minnu, ikun jirrifletti l-viżjoni politika tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin. Il-viżjoni hija biss f’idejn il-Gvern iżda tista’ tinkludi ukoll proġetti f’kwalunkwe settur inkluż dak ambjentali u ekonomiku, li kienu l-iktar indirizzati fil-manifest Laburista.  

Wara d-diskors tal-President li jieħu bejn 30 minuta u siegħa, l-iżgħar Membru Parlamentari tal-Gvern jagħmel nota ta’ ringrazzjament. Din is-sena, ir-ringrazzjament se jsir minn Cressida Galea li minkejja mhix l-iżgħar Membru Parlamentari fil-Kamra, hija l-iżgħar membru fil-Gvern. 

Liema speakers kellhom l-ikbar reżistenza u sfidi fl-istorja politika ta’ Malta? 

Forsi fi żmien tal-lum hemm min jgħid li l-ispeaker Anġlu Farrugia kien wieħed minn dawk li kellu l-iktar sfidi, reżistenza u forsi uġigħ ta’ ras. Fid-disa’ snin tiegħu bħala Speaker, Farrugia ra’ ma’ wiċċu l-mozzjoni kontroversjali tad-dibattitu parlamentari fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, li kienet preżentata f’Novembru tal-2019 mill-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Adrian Delia.  

Farrugia dakinhar kien ċaħad il-mozzjoni. Huwa qal fil-programm li kien ħass li qed jagħmel deċiżjoni diffiċli minħabba li meta jkollok kawża miftuħa fil-Qorti, ma tistax tiddiskutiha fil-Parlament.  

Minkejja dan kollu, Farrugia rrakonta kif wara l-Indipendenza l-Ispeaker Alfred Bonnici kellu jieħu deċiżjonijiet pjuttost kbar li kienu jitqiesu wkoll kontroversjali. L-istess ġara biż-żewġ speakers ta’ warajh, Emanuel Attard Bezzina u Ernesto Laiviera li raw il-Partit Laburista mmexxi minn Mintoff lura fil-Gvern. Skont Farrugia dawn iż-żewġ Speakers raw ma wiċċhom ħafna reżistenza. 

Emanuel Attard Bezzina kellu każ ieħor interessanti quddiemu meta seħħ attentat tat-tixħim minn żewġ negozjanti Nazzjonalisti biex jixtru Membru Parlamentari Laburist. Il-każ imur lura għal 1972 meta Ronny Said u Roger Camilleri pruvaw jixtru lil Anġlu Camilleri sabiex jaqleb in-naħa tiegħu fil-Kamra. Kien Anġlu Camilleri stess li kixxifhom 

(Ara l-intervista kollha ma’ Anġlu Farrugia nhar il-Ħamis fis-6:30.p.m fuq TVMNews+) 

More in Politika