Filmat | 'Ħadna deċiżjoni konxja li ma ngħollux il-kontijiet biex ma nagħtux xokk lill-ekonomija'

Il-Ministru Miriam Dalli terġa tisħaq illi l-Gvern se jkompli bil-politika ta' stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija

Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Miriam Dalli

Il-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża Miriam Dalli reġgħet sostniet - għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti - li l-Gvern se jkompli bil-politika u "d-deċiżjoni konxja" li ħa sabiex il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli biex b'hekk il-konsumatur ikun mgħejjun u l-piż ma jintefax fuqu. "Ma rridux nagħtu xokk ieħor lill-ekonomija, wara li kellna l-pandemija," sostniet Dalli. 

Dan fil-fatt huwa mera ta' dak li kien qal il-Ministru tal-Finanzi lill-MCESD kif żvelat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li l-Gvern se joħroġ sussidju totali ta' €6 miljuni lill-fornituri tal-qamħ biex il-prezzijiet ta' diversi prodotti ma jibqgħux jogħlew, filwaqt li aċċerta li l-Gvern mhux se jżid taxxi jew kontijiet, propju għax jemmen li dan iwassal għal kollass ekonomiku. "Akkost ta' kollox il-Gvern ma jridx jgħolli kontijiet għax din tkun detrimentali ħafna' għall-ekonomija," kien qal il-Ministru Clyde Caruana.

Intant fir-risposti tagħha l-Ministru Dalli fakkret illi l-esperjenza riċenti "uriet illi meta l-Gvern jgħolli l-kontijiet ikun hemm riperkussjonijiet fuq l-ekonomija u fuq il-qgħad tal-pajjiż." Fakkret ukoll li l-Gvern alloka €200 miljun għal dan il-għan għalkemm ma qalitx kemm minnhom diġà intefqu sa issa. 

Dalli temmet tgħid - għal mistoqsija dwar il-fornimenti mir-Russja - li Malta la għandha LNG u lanqas fjuwil li ġej mir-Russja. 

Il-Ministru Miriam Dalli terġa tisħaq illi l-Gvern se jkompli bil-politika ta' stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija

More in Politika