Investiment ta' miljun ewro għal żewġ karozzi tal-linja bla emissjonijiet u 100% elettriċi

'Issa wasal iż-żmien li gradwalment Malta taqleb għal karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku' - Il-Ministru Aaron Farrugia

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia ħabbar żewġ karozzi tal-linja bla emissjonijiet u 100% elettriċi mal-flotta skedata tat-trasport pubbliku f'Malta. Dawn il-karozzi tal-linja se jkunu qed joperaw fuq rotot tat-trasport pubbliku f'Malta permezz ta' investiment ta' miljun ewro. 

Akkumpanjat miċ-Chairman tal-Malta Public Transport Felice Cosmen, Farrugia qal li, "il-kwalità tal-ħajja tagħna tiddependi fuq sistema tat-trasport effiċjenti, aċċessibbli u nadifa. It-trasport għandu wkoll impatt sinjifikanti fuq l-ambjent tagħna u b’domanda dejjem tikber għal servizzi tat-trasport aktar ekoloġiċi, jeħtieġ li niżguraw li s-sistema tat-trasport pubbliku nazzjonali tagħna tkun mgħammra tajjeb biex tindirizza dawn l-isfidi." 

Huwa żied jgħid li l-flotta ta' vetturi attwali hija magħmula minn karozzi li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent, iżda issa wasal iż-żmien li gradwalment Malta taqleb għal karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku.

"L-investiment tal-lum huwa biss il-bidu tal-pjan ta’ dekarbonizzazzjoni u se jkompli jkun kumplimentat mill-iskema tat-trasport pubbliku b’xejn li se tiddaħħal fl-1 ta’ Ottubru ta’ din is-sena. B’approċċ ħolistiku, miżuri bħal dawn se jwasslu għal futur aħjar u aktar nadif għalina lkoll,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

More in Politika