‘Dak it-Tweet ma kienx żball; Nixtieq lil Roberta tgħinna ... Hija politiku, statista u kapaċi tmexxi’

Inqas minn xahar wara li l-Partit Nazzjonalista ġarrab telfa storika, il-gazzetta ILLUM tpoġġi bilqiegħda mal-Viċi Kap uxxenti tal-Partit Nazzjonalista li għażel li ma jerġax jikkontesta għall-ebda kariga u dan minkejja li qed jisħaq kontinwament li ma kienx involut fil-kampanja elettorali

Robert Arrigo
Robert Arrigo

Inqas minn xahar wara t-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali, il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-Viċi Kap uxxenti tal-PN, Robert Arrigo. Minkejja l-esperjenza tiegħu, li dwarha enfasizza ħafna tul l-intervista, Arrigo insista li hu ma kien involut xejn fil-kampanja elettorali u xorta waħda għażel li jerfa’ parti mir-responsabbilità għat-telfa u ma jerġax jikkontesta għall-ebda kariga.

L-ILLUM tibda tistaqsi lil Arrigo (li hu stess qal li rari jiġi mitlub biex ikun intervistat) jekk qattx bassru li l-Partit Nazzjonalista se jġarrab din it-telfa u x’għamlet ħażin it-tmexxija, li hu parti minnha, biex il-PN spiċċa fejn spiċċa. 

“Huwa fatt li din kienet l-akbar telfa tal-Partit Nazzjonalista. Avolja ma kont xejn involut fil-kampanja elettorali, ħassejt li għandi nieħu biċċa tort minnha u ddeċidejt li nagħmel pass lura u ma nerġax nikkontesta xi pożizzjoni fil-PN. Dan hu l-inqas li nista’ nagħmel b’rispett lejn dawk l-eluf li vvotaw lill-PN,” insista Arrigo.

Fakkar li l-Partit Nazzjonalista naqqas 12,000 vot u dan meta suppost żied skont il-persentaġġ taż-żieda tal-voti. 

“Jekk tpoġġi bilqiegħda u tara l-affarijiet sew, tinduna li fil-verità il-PN naqqas aktar minn 12,000 vot u dik hija inkwetanti ħafna,” insista. 

L-ILLUM tfakkru li anke l-kandidati l-ġodda li ġew eletti ma ġabux magħhom aktar voti għall-PN. Arrigo lanqas dwar dan il-fatt ma deher entużjast ħafna, għax fi kliemu, ġaladarba kien hemm diversi Deputati li ma ħarġux għall-elezzjoni, bilfors li posthom kellhom jeħduh kandidati ġodda.

“Comodini Cachia, Schiavone, Kristy Debono, Clyde Puli, Mario Galea, Claudio Grech. Dawn kollha ma ħarġux. Xi ħadd irid joħdilhom posthom. Għalhekk telgħu l-ġodda,” kompla jisħaq il-Viċi Kap. “Jiena ilni fil-Parlament mit-2003 u dejjem kien hemm il-ġodda. Aħna fl-2003 ġodda konna. Mhijiex xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Huwa proċess naturali. Anke l-Labour għandu l-ġodda. F’dawn is-snin jiena rajt il-Parlament jinbidel kollu. Biss biss jiena kelli ħames kapijiet li mhu tajjeb xejn.”

Fakkar ukoll li ħafna mill-ġodda li telgħu kien hu li ħajjarhom u ħeġġiġhom biex joħorġu fil-ħames snin li ilu Viċi Kap, anke jekk kien hemm minnhom li se jikkontestaw fuq id-distretti tiegħu, jiġifieri d-disa’ u l-għaxar distrett. 

‘Mhux biżżejjed li jsir rapport tat-telfa; Is-sitwazzjoni hija inkwetanti ħafna’

Imma l-ILLUM tistaqsih mill-ġdid għaliex l-elettorat ma jridx jaf bil-PN.

“L-elettorat illum jistenna affarijiet oħra mill-partiti. L-ideoloġija u l-valuri, anke jekk jibqgħu hemm, jinqabżu minn fatturi oħra. Qisek qed tbigħ prodott li tajjeb kemm hu tajjeb mhux jinxtara,” insista Arrigo. 

Għalhekk l-ILLUM tistaqsih x’qed jipproponi? Qed jipproponi li l-PN jabbanduna l-valuri tiegħu biex il-messaġġ tiegħu jinxtara aktar? Arrigo fakkar li l-valuri tal-Labour ta’ żmien Mintoff u l-valuri tal-PN ta’ żmien Eddie Fenech Adami nbiddlu. 

“Ma tistax tisforza l-ideat tiegħek fuq nies li mhux jixtru dak il-prodott. Il-PN irid jagħmel eżerċizzju profond ta’ riflessjoni interna. Mhux biżżejjed li jsir rapport. Bilfors li hemm xi ħaġa li mhux qed taħdem,” insista Arrigo.

Fakkar kif fl-2003, il-Partit Nazzjonalista kellu maġġoranza ta’ 13,000. F’għaxar snin tilef b’36,000 vot.

“Jekk tibda minn fejn tlaqt, jiġifieri minn fuq u tara fejn wasalt, jiġifieri minn taħt, tirrealizza li l-PN dak iż-żmien tilef 50,000 vot. Issa tlifna b’39,500 u dan meta vvutaw inqas nies. Jekk tħares sew lejn l-istatistiċi, is-sitwazzjoni hija inkwetanti ħafna,” saħaq Robert Arrigo waqt li fakkar ukoll li l-aħħar ħames ma għenux lill-Partit Nazzjonalista.

Għaliex ma kienx involut fil-kampanja? Twarrab?

L-ILLUM twaqqfu u tistaqsih għaliex qiegħed isemmi kontinwament il-fatt li hu ma kienx involut fil-kampanja elettorali. Tistaqsih jekk hux qed jimplika li ngħata l-ġenb apposta minkejja dak kollu li hu jisħaq li għamel għall-PN.

“Hija dikjarazzjoni ċara. Jiena ma kontx involut fil-kampanja bl-ebda mod. Jiena ma nigbidx. Fatt huwa fatt. Ħares, fittex u tinduna,” insista Arrigo waqt li saħaq li hu jħobb ħafna l-kampanji elettorali u fi 28 sena ħadem dirett u kien involut f’għaxar elezzjonijiet. “Jiena mhux se mmur insabbat xi bieb biex inkun involut. Kulħadd jaf x’nagħmel. Niddejjaq nitkellem fuqi nnifsi imma s-CV tiegħi hija ta’ suċċessi, mill-isport, għall-politika, il-ħajja u n-negozju.”

‘Jien xogħli għamiltu ... anke minn fuq is-sodda tal-isptar ġbart il-flus’

Tul l-intervista kontinwament beda jenfasizza dak kollu li għamel għall-Partit Nazzjonalista għax insista li hu qatt ma jasal iweġġa’ l-partit li l-familja tiegħu ilha kważi 100 sena involuta fih. Insista kif fl-ewwel tliet snin, jiġifieri fis-snin li kien Viċi Kap ta’ Adrian Delia, iddedika mas-70 siegħa fil-ġimgħa għall-PN.

“Ġbarna ħafna flus u għamilna pjan għall-futur. Kelli pjan biex f’għaxar snin naqta’ d-dejn tal-partit. Daħal il-Covid-19 u rnexxielna xorta waħda, anke b’sagriffiċji kbar, nimxu ‘l quddiem. Kelli nieħu deċiżjonijiet diffiċli u forsi kien hemm min ma ranix sabiħ. Saħansitra tlabt lill-impjegati biex għal sitt xhur innaqqsulhom ftit il-paga, anke jekk ħallasnihom lura sal-aħħar tas-sena,” kompla jinsiti. “Kellna x-xirjiet u l-famuża maduma li minnhom daħħalna l-eluf.”

Fakkar kif minkejja dak li għadda minnu minn Settembru sa nofs Jannar, anke minn fuq is-sodda tal-isptar, baqa’ jiġbor il-flus għall-Partit Nazzjonalista.

“Waqt il-kampanja bdejt inbati imma ġbart għall-Partit darbtejn. Minn €1,400,000 li ġabar il-PN, jiena ġbart nofs miljun,” saħaq Arrigo. “Jiena għamilt xogħli. Jiena vvotawli 86% tat-tesserati u naħseb li sarraft il-fiduċja li tawni.”

‘Ma ħadtx deċiżjoni fis-saħna tal-mument’

Dawwarna d-diskors fuq il-Kap Nazzjonalista u l-ILLUM tistaqsih jekk ġaladarba hu, li ma kienx involut fil-kampanja, għażel li jerfa’ r-responsabbilità, jaħsibx li Bernard Grech għandu jagħmel l-istess u ma jerġax jikkontesta.

Arrigo fl-ebda ħin ma weġibna direttament, anke jekk insistejna miegħu. Qal biss li kulħadd għandu l-kuxjenza tiegħu.

“Jiena domt ħmistax wara l-elezzjoni biex iddeċidejt għax ma ridtx nieħu deċiżjoni fis-saħna tal-mument,” qal biss Robert Arrigo. 

Bernard Grech għandu jibqa’?

Għalhekk l-ILLUM tistaqsih jekk jaħsibx li Grech għaġġel meta dakinhar stess tar-riżultat ħareġ jgħid li jrid jibqa’ Kap tal-PN.

“Dak li jgħid bniedem irid jikkrafikah hu jekk huwa konvint li hekk l-aħjar. Trid tmur quddiem il-mera u tgħid: jiena x’inhu l-aħjar li nagħmel? Jiena Robert Arrigo ħassejt li dik kienet l-aħjar deċiżjoni għalija u kelli nieħu farka mit-tort. Dak hu l-inqas li nista’ nagħmel,” saħaq.

Fakkar ukoll li anke jekk għamel ħafna żmien indispost u ma kienx involut fil-kampanja kien hemm eluf li vvotaw għalih u għalhekk se jibqa’ jaħdem bħala Deputat. Kompla jfakkar ukoll li kiseb eluf ta’ voti minkejja li d-distretti li fuqhom ikkontesta hu ma kinux faċli, anke għax ħafna għażluhom biex jassiguraw siġġu f’każ li ma jitilgħux mid-distrett li fih jgħixu.

‘Kitba mimlija ħdura u mibegħda’

“Jinkwetani li f’dawn id-distretti anke n-Nazzjonalisti ma ħarġux. Jiena fin-numri u l-istatistika ffissat. Dawn qegħdin hemm u jridu jiġu analizzati. Ma nistgħux niffokaw fuq il-voti invalidi biss. Hemm gazzetti, portals u anke bloggers imsefrin li qed iħawdu l-bejgħa. Xi kultant il-kitba ta’ dawn hija mimlija ħdura u mibegħda. Għalija dan it-tip ta’ atteġġjament ma għandux post,” insista Arrigo.

Insista li hu ġej mid-dinja tal-futbol u jaf li jekk tim jitlef logħba wara logħba u minħabba f’hekk l-interess tal-partitarji jibda jnaqqas u jnaqqas, ifisser biss li hemm xi ħaġa ħażina ħafna li trid tiġi analizzata.

“Nerġa’ ngħid li hemm xi ħaġa ħażina ħafna u trid tiġi analizzata mhux min-nies tas-soltu li jaħsbu li huma l-oraklu. F’kull distrett, anzi f’kull lokalità hemm raġunijiet differenti. Il-Partit jekk mhux se jinżel aktar fil-fond mhux dwar dak li jaħseb hu imma dwar dak li jaħsbu n-nies, mhux se jimxi ‘l quddiem,” insista Arrigo.

‘Roberta kienet l-ewwel persuna li ġiet f’moħħi wara t-telfa’

Ftit ħin biss wara li Bernard Grech qal li se jibqa’ Kap, Arrigo tella fuq Twitter u kiteb: “Please help us Roberta.” L-ILLUM tistaqsih jekk għadux jaħseb li Metsola biss tista’ ssalva l-PN u jekk dak il-messaġġ kienx botta għal Bernard Grech biex iwarrab. 

“Roberta kienet l-ewwel persuna li ġiet f’moħħi wara t-telfa,” insista Arrigo waqt li saħaq li Metsola hija waħda mill-politiċi li mbotta hu biex tikkontesta l-elezzjoni. “Dak it-Tweet ma kienx żball. Jiena rrid lil Roberta tgħinna b’xi mod jew ieħor. Qed tagħmel biċċa xogħol tajba fl-Ewropa. Għandha esperjenza kbira u kuntatti kbar. Illum hija politiku, statista u mexxejja!”

‘Naħseb li Bernard Grech se jkun l-uniku kandidat’

Saħaq li f’dawn il-ġimgħat bdew jissemmew ismijiet oħra u insista li jista’ jkun li hemm persuni oħra li jistgħu jkunu ta’ vantaġġ għall-PN. 

L-ILLUM titolbu jikkjarifika jekk hux qed jirreferi għall-kariga ta’ Kap, b’Arrigo jisħaq li dawn kollha huma nies li jistgħu b’xi mod jew ieħor jagħtu kontribut aktar lill-PN.

Il-PN irid jifhem lin-nies, ibiegħed lil dawk mimlija ħdura u mibegħda u jieqaf jeskludi lin-nies

“Xi ħadd li se jidħol għall-kariga ta’ Kap huwa diffiċli ħafna,” insista Arrigo. “Jingħad ħafna kliem imma sakemm tkun iffirmata n-nomina ma hemm xejn ċert. Jiena naħseb li Bernard Grech se jkun l-uniku kandidat.”

U jekk Grech ikun kandidat waħdu se jkollu biżżejjed appoġġ? L-ILLUM tistaqsi direttament lil Arrigo jekk jagħtix l-appoġġ tiegħu lil Grech jew inkella jekk jaħsibx li Grech għandux jingħata l-appoġġ wara t-telfa li ġarrab.

“Kulħadd iwieġeb skont il-kuxjenza tiegħu. Kulħadd jara l-passat, il-preżent u l-futur,” wieġeb biss Arrigo.

‘Delia spiċċa wisq taħt attakk mhux bħala Kap imma bħala persuna’

Kien hawn li l-Viċi Kap insista li biex hu wasal fejn wasal, mexa pass pass mill-Kumitat Sezzjonali ta’ Tas-Sliema, għal Sindku, Deputat, Segretajru Parlamentari etċ. Fi kliemu, min jibda mill-ewwel b’kariga għolja, mingħajr ma jgħaddi minn dawn il-passi, ikun qed jagħmel ħażin.

Hekk għamel Bernard Grech imma l-ILLUM tfakkru li hekk għamel ukoll Adrian Delia li hu kien l-id il-leminija tiegħu. Madanakollu, Arrigo fakkar minnufih li hu ma kienx ivvota għal Adrian Delia. Qal li hu vvota l-ewwel għal Alex Perici Calascione u mbagħad għal Chris Said.

Ir-relazzjoni ta’ Arrigo ma’ Delia nbniet maż-żmien. Saħaq li Delia tah il-libertà kollha biex jaħdem anke jekk ftit li xejn kienu jaqblu.

“Minkejja dan, ħdimna. Kont kuntent. Niftakar morna niġbru l-flus Għawdex u kien tagħni attakk tal-ġebla u kienu ħaduni l-isptar. Adrian Delia tfaċċa u għamel lejl fis-siġġu ħdejja. Hemm irrealizzajt x’raġel kien,” insista Arrigo.

Tkellem dwar iż-żmien diffiċli li għadda minnhom il-PN. Irrefera għal-laqgħat “sħan” tal-Kumitat Eżekuttiv u semma laqgħa waħda li għadha mmarkata f’moħħu.

“Spiċċa wisq taħt attakk mhux bħala Kap imma bħala persuna. Ma stajtx ma nibqax miegħu. Sofra. Kont nistaqsih kuljum jekk iridx ikompli għaddej hekk. Ħareġ xi ħaġa kontra Adrian Delia? Xejn. Tawh u sallbuh biex imbagħad xi ħadd jiffirmalek li minn dak li qal xejn ma kien minnu,” kompla Arrigo b’botta ċara għal Jason Azzopardi. 

Mistoqsi jekk jaħsibx li dak ġara lil Adrian Delia, affettwax ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni, Arrigo insista li jkun qed jigdeb jekk jgħid le. 

“Affettwa minħabba l-mod kif tneħħa. Għaddew ix-xhur u għadni ddispjaċut b’dak li ġara,” insista.

‘Dejn: Il-PN għandu l-ingredjenti kollha biex isolvi l-problema’

Lejn l-aħħar ma stajnix ma nitkellmux fuq id-dejn tal-PN. L-ILLUM irrapportat kif id-dejn tal-PN għadu ta’ madwar €30 u tal-VAT qed jiġru warajh u l-uffiċjali tiegħu biex iħallsu. Infakkru lil Arrigo illi b’dan id-dejn, kumpanija kienet tkun iddikjarata falluta.

“Fl-ewwel tliet snin li fihom kont involut sew fil-partit, meta kont ukoll Kaxxier u Chairperson tal-Media.Link mingħajr paga, kont attent u konnha nonfqu biss dak li niġbru,” saħaq.

Fakkar kif fl-2019 kien qal ċar u tond lis-Segretajru Ġenerali, dak iż-żmien Clyde Puli li ma jistax jonfoq fuq il-kampanja elettorali, ħlief dak li jiġbru. Fil-fatt, kompla Arrigo, għamlu kampanja “fqira” li swiet €623,000, imma almenu kienu kapaċi jħallsu lil kulħadd.

Kompla jisħaq li tant kemm kienet diffiċli s-sitwazzjoni, li jekk ma jġibx sponsor għall-espresso, fl-uffiċċju tal-Kap lanqas kien ikun hemm kafè.

“Forsi tqammilt. Imma kelli nieħu deċiżjonijiet iebsa. Bdejt inħallas tal-passat u f’ħames snin ma kienx hemm impjegat li ttallab għall-paga,” kompla Arrigo. “Il-PN għandu sitwazzjoni li jista’ jikkontrolla, għandu €45 miljun f’assi u għandu l-partitarji. Għandek l-ingredjenti kollha biex tagħmel il-kejk imma trid kok tajjeb. Għalija kienet faċli għax jiena ġejt minn dan il-kamp.”

L-ILLUM tfakkru li skont sorsi, fl-aħħar kampanja, il-PN mar €300,000 minn taħt. Saħaq li karti f’idu ma għandux imma jekk hu hekk, xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbilità.

“Ma tistax tonfoq qabel ma tiġbor speċjalment bi flus ħaddieħor,” kompla Arrigo. 

‘Ifhem lin-nies, biegħed lil dawk mimlija ħdura u ieqaf eskludi lin-nies’

Arrigo ħa jtemm il-kariga tiegħu fil-PN u għalhekk l-ILLUM titolbu jgħaddi l-aħħar pariri lill-Partit Nazzjonalista u jekk jaħsibx li dan jista’ jkun il-bidu tat-tmiem tal-PN.

Beda jisħaq li l-PN jispiċċa biss meta jibda jġib voti daqskemm iġibu l-partiti żgħar kif ġara lil partiti oħra fl-Italja u fi Franza li kienu kbar u n-nies waqqfu jivvutawlhom. Partit jispiċċa biss jekk iridu n-nies.

“Il-PN irid jifhem lin-nies, ibiegħed lil dawk mimlija ħdura u mibegħda u jieqaf jeskludi lin-nies,” temm jappella Arrigo. 

More in Politika