Daqshekk! Mit-2 ta' Mejju kollox lura għan-normal għajr għal xi miżuri fi sptarijiet u kliniċi

Daqshekk maskri, ħlief fi sptarijiet u djar tal-anzjani, daqshekk formoli PLF, daqshekk restrizzjonijiet fuq tiġijiet u attivitajiet tal-massa u daqshekk kwarantina għal kuntatti primarji - Mit-2 ta' Mejju

Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn 2 ta' Mejju se jitneħħew prattikament il-miżuri kollha għajr xi ftit. Dan ifisser li minn din id-data tiġijiet, attivitajiet tal-massa, attivitajiet kulturali, distanzi soċjali, parties u l-obbligu tal-maskra fuq it-trasport pubbliku u ħwienet, fost oħrajn, se jkunu qed jitneħħew. 

Daqshekk kwarantina għal kuntatti primarji

Fearne ħabbar li l-iżolament jiġifieri l-kwarantina se titneħħa f'kull każ, għajr għal dawk li fil-fatt taqbadhom il-Covid-19. F'dan il-każ persuna trid tagħmel sebat ijiem id-dar, f'liema jum persuna tagħmel test u biss jekk jiġi pożittiv tibqa' d-dar tliet ijiem oħra. Mill-bqija l-kwarantina se titneħħa ukoll għal kuntatti primarji, kif ukoll għal dawk li jgħixu fl-istess dar ma' persuna li tkun pożittiva. Fearne qal li dejjem huwa rakkomandat li fil-każ ta' dawn tal-aħħar persuna tieħu test biex tkun tista' tipproteġi lilha nnifisha. Il-kwarantina għal kuntatti sekondarji ilha li tneħħiet ġimgħat.

Maskri - Daqshekk ħlief fi sptarijiet u kliniċi

L-obbligu tal-ilbies tal-maskri se jitneħħa kullimkien, inkluż fuq it-trasport pubbliku fejn xorta jibqa' rakkomandabbli u anke ħwienet u stabbilimenti oħrajn. L-ilbies tal-maskra se jibqa' obbligatorju biss fi sptarijiet, kliniċi, djar tal-anzjani u titjiriet għalkemm jibqa' jkun rakkomandat f'postijiet fejn ikun hemm ħafna nies.

Vjaġġar - Daqshekk Formli PLF

Se jkun qed jitwaqqaf il-bżonn tal-użu tal-Formola Passenger Locator Form (PLF) li trid timtela' meta persuna tkun dieħla Malta. Dan filwaqt li se tibqa' s-sistema tal-pajjiżi ħomor u ħomor skuri, hekk kif maqbul u mifthiem ma' pajjiżi oħrajn. 

Fearne fakkar li dawn il-miżuri qed jittieħdu fid-dawl tal-fatt illi anke meta n-numri ta' pazjenti bil-Covid-19 kienu għoljin, in-numru ta' pazjenti fl-ITU baqa' baxx. Huwa qal illi bħalissa hemm 88 pazjent pożittiv fl-isptar li l-maġġoranza qegħdin hemm fuq kundizzjonijiet ohrajn u mhux Covid-19. Huma 39 persuna biss li jinsabu fl-Isptar minhabba l-covid u żewġ kazi fl-ITU.

"Konna nemmnu li l-vaċċin se jkun għodda biex niġġieldu dan il-virus bħalma kien sar f'pandemiji oħrajn," qal Fearne li fakkar kif il-Gvern assigura li jġib biżżejjed tilqim u jqassam sabiex jagħtih, sabiex b'hekk Malta rreġsitrat fost l-ogħla rati ta' tilqim fid-dinja, aktar minn 90% li ħadu it-tilqim, aktar minn 80% ta' nies li ħadu booster u 7,000 doża tat-tieni booster lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli - l-aktar dawk l-anzjani li għandhom 80 sena jew aktar. Sat-2 ta' Mejju dawk kollha ta' 80 sena jew aktar se jkunu ġew offruti t-tieni booster, ħabbar id-Deputat Prim Ministru. 

More in Politika