BirdLife b'mandat ta' inibizzjoni kontra l-kaċċa fuq il-gamiema; Tikkunsidra referendum ieħor

BirdLife Malta qed tisħaq li l-Gvern qed jikser il-liġi tal-Unjoni Ewropea u ddeċieda li jiftaħ dan l-istaġun eżatt qabel l-elezzjoni biex jikseb il-voti

BirdLife Malta ressqet mandat ta’ inibizzjoni quddiem il-Qorti titlob li jkun sospiż l-Avviż Legali maħruġ riċentament u li se jippermetti l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fuq il-gamiema. Wissiet ukoll li referendum ieħor dwar il-kaċċa f’Malta huwa possibbli.

Il-mandat li ġie ppreżentat illum qed jitlob lill-Qorti biex tordna lill-Prim Ministru, lill-Ministru għall-Ambjent, lill-Ministru għal Għawdex u lil Wild Birds Regulation Unit biex immedjatament jagħlqu l-istaġun tal-kaċċa.

L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa rritorna wara pressjoni mill-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservattivi (FKNK). L-istaġun se jkun miftuħ bejn is-17 u t-30 ta’ April. 8,041 kaċċatur irreġistraw għal-liċenzja u l-kwota hija ta’ 1,500 gamiema biss.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti, il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima qal li l-Gvern fetaħ dan l-istaġun minħabba l-voti u dan irrispettivament minn dak li tgħid id-Direttiva tal-Għasafar u anke l-evidenza xjentifika.

“Id-Direttiva tal-Għasafar hija liġi tal-Unjoni Ewropea u tissupera kwalunkwe liġi Maltija,” saħaq Grima. 

Fi kliemu, l-avviż legali jikser “sfaċċatament” din id-direttiva.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana ddeskriva l-Kumitat ORNIS bħala pupazz tal-Gvern. Fakkar anke hu li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ dan l-istaġun ittieħdet ftit jiem qabel l-elezzjoni. 

Insista li l-evidenza xjentifika qed turi li l-gamiema għandha tkun protetta iżda qal li l-Gvern ġie jaqa’ u jqum minn dan u l-istess il-kaċċaturi.

Mistoqsi jekk hux qed ikun ikkunsidrat referendum ieħor dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, Sultana saħaq li l-organizzazzjoni se tkun qed tieħu l-passi kollha legali u kkonferma li referendum huwa possibbli. 

More in Politika