'Il-PN ma jiflaħx għal elezzjoni oħra ta' Kap u naħsbu li ħadd mhu se jkun lest joħroġ għonqu'

Sorsi mill-PN jisħqu li s-sitwazzjoni fil-PN bħalissa hija waħda ta' diżappunt kbir u jisħqu li ma jistgħu jimmaġinaw lil ħadd li se jista' jkun lest jikkontesta lil Bernard Grech għall-kariga ta' Kap

Diversi deputati u uffiċjali li tkellmu mal-gazzetta ILLUM dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista sostnew illi ftit jidher li se jkun hemm bidla fit-tmexxija tal-partit, ftit hemm aptit u aktar minn hekk li l-PN ma jiflaħx għal elezzjoni ta' Kap fis-sitwazzjoni mill-aktar diffiċli li qalu illi jinsab fiha l-PN. 

"Internament mhux qed jinstemgħu ismijiet oħra biex jieħdu post Bernard Grech. Anzi naħsbu li ħadd mhu se jkun lest joħroġ għonqu. “Hemm piż enormi u s-sitwazzjoni mhijiex faċli," qal wieħed mis-sorsi li tkellmu mal-ILLUM. Huwa qal ukoll li Bernard Grech għad għandu appoġġ u dan l-aktar għax ilu biss sena u nofs Kap tal-PN "u ħadd ma stenna mirakli. Beda minn sitwazzjoni diffiċli ħafna."

Jidher iżda, fost is-sorsi kollha li tkellmu ma' din il-gazzetta illi l-votanti tal-PN huma ħerqana ħafna sabiex ikun hemm uċuħ ġodda, anke fit-tmexxija - speċjalment bħala Viċi Kap. 

"Hemm sens ta’ diżappunt kbir u anke waqa’ kwiet kbir fil-PN. L-uniku tama u din qed jitkellmu fuqha n-nies ukoll hija li telgħu ħafna Deputati ġodda," qal sors ieħor li tkellem mal-ILLUM. Filwaqt li qal illi stenna li l-Kap tal-PN imqar jiltaqa' mad-Deputati fuq bażi personali. 

"In-nies iridu bidla. Qed iċemplu speċjalment lill-ġodda biex joħorġu għall-karigi. Jiġifieri n-nies diġà bdew isemmu ismijiet ta’ persuni li jista’ jkollhom rwoli importanti, anke fil-kariga ta’ Viċi Kap."

Dan it-tieni sors ukoll sostna li ma jara lil ħadd fil-mument li jista' jieħu post Bernard Grech jew li lest joħroġ għall-kariga. "Il-PN ma jiflaħx għal kontestazzjoni ħarxa. Dan il-is-sentiment qed jinħass ħafna. Hemm bżonn persuna waħda  - jew Bernard jew xi ħadd ieħor - li meta jasal il-mument kulħadd ikun warajha, jingħaqad u jivvota lilha. Ma nifilħux għal elezzjoni oħra," temm jgħid. 

Inqas pożittiv kien it-tielet sors illi saħansitra ddieħak bl-istqarrija tal-Kap tal-PN din il-ġimgħa illi fil-partit hemm "enerġija ġdida." 

"Fejn hi din l-enerġija? Fid-Dar Ċentrali vojta?" staqsa, filwaqt li qabbel lill-PN ma' pazjent li jinsab fl-ITU u għandu bżonn issirlu operazzjoni kemm jista' jkun malajr. Dan qal illi l-partit u Bernard Grech ma jridux jitkellmu fuq ir-riżultat u sostna li dan il-ħafna kliem ta' Grech "huwa paraventu biex jibqa' f'postu u tibqa' tmexxi l-klikka. Tal-inqas għandu jammetti li l-PN jinsab f'qagħda ħażina ħafna. Suppost, bil-votanti ġodda żidna l-voti, mhux eluf ta' Nazzjonalisti lanqas biss marru jivvutaw." 

Dan is-sors saħaq illi jekk il-PN ma rnexxilux jikkonvinċi lill-votanti Nazzjonalisti stess "wara dawk l-iskandli kollha u dak kollu li nqala', mela kif se nikkonvinċuhom?"

"Jiddispjaċini imma ma naqbilx li għandu jibqa' Grech u minfloku għandu jkun hemm xi ħadd mill-ġodda fejn nemmen li jekk jingħata l-għajnuna kollha possibbli u jkun jaf eżatt x'inhi s-sitwazzjoni, hemm il-potenzjal. Li nerġgħu mmorru għal xi ħadd minn barra l-partit hija għalxejn għax issa falliet darbtejn," temm jgħid dan is-sors mal-gazzetta ILLUM. 

Minn wara l-elezzjoni ġenerali kienu sa issa tlieta minn nies li rreżenjaw jew ħadu pass lura fil-PN. L-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta' Bernard Grech, jiġifieri Ray Bezzina u l-Istrateġista tal-PN u koordinatur tal-kampanja elettorali Chris Peregin, li fil-fatt kien mogħti l-irwol tiegħu minn Grech innifsu, irreżenjaw mill-PN. Dan filwaqt li Robert Arrigo ħabbar li ma kienx se jerġa' jikkontesta l-elezzjoni ta' Viċi Kap. 

More in Politika