‘L-inċidenti tat-traffiku mhumiex problema ta’ min isuq biss. Int tħallas għalihom ukoll!’

Għaliex dawn l-inċidenti kollha fit-toroq? Għandna problema fl-infrastruttura? M’għandniex infurzar b’saħħtu? Jew għandna wisq distrazzjonijiet? L-ILLUM titkellem ma’ Doctors for Road Safety li ta’ sikwit tara vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku 

Il-Ħadd waranofsinhar ftit sigħat wara li ġiet ikkonfermata r-rebħa tal-Partit Laburista rajna ċelebrazzjonijiet madwar Malta kollha. Minkejja li dan kien żmien ta’ ferħ għal ħafna ċittadini, sfortunatament rajna inċident illi fih familja spiċċat l-isptar minħabba li qabad flare ġol-vettura u mara oħra li kienet tqila weġġgħet wara ħabtu fiha. 

Sfortunatament b'tant karozzi fit-toroq u wara xi grokk jew sitta ċelebratorji, inċidenti bħal dawn isiru aktar komuni mhux biss f'ċelebrazzjoni ta' dan it-tip imma wkoll f'kull ċelebrazzjoni oħra bħall-Milied, l-Għid jew inkella l-ewwel tas-sena. 

Kien għalhekk li l-ILLUM tkellmet mal-għaqda mhux governattiva (NGO) Doctors for Road Safety u l-President ta’ din l-NGO, Ray Gatt. Huwa qal mal-ILLUM li kulturalment il-Maltin huma dipendenti wisq fuq il-vetturi u li bħala soċjetà għadna ma rrikonxxejniex il-problemi li jinsabu fit-toroq… u anke fuq il-bankina!

Min jobdi, min ftit inqas u min jikser  ir-regolamenti tat-triq 

Magħmula u mmexxija mit-tobba li jiltaqgħu ta’ kuljum ma’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, Doctors for Road Safety ġie mfassal fuq tliet pilastri. L-edukazzjoni, l-infrastruttura u l-infurzar. 

Gatt stqarr li fit-triq għandek tliet tipi ta’ sewwieqa. 

“L-ewwel persuna hija dik li tobdi l-liġi u l-imġieba tagħhom fi triq tkun kif suppost. It-tieni persuna hi dik li momentarjament tabbuża però jekk tiġbdilha l-attenzjoni tbiddel il-modi tagħha. Imbagħad għandek persuni li jibqgħu jużaw il-mobile, isuqu fuq red light u li tiġbidilha kemm tiġbidilha l-attenzjoni kollu ta' xejn," qal Gatt. 

Kien għalhekk li qal illi wieħed mill-pilastri, dik tal-edukazzjoni, hija mmirata għat-tieni persuna li, tfisser illi minkejja li persuna tiżbalja darba kultant, kapaċi titgħallem mill-iżbalji tagħha.

Minkejja li dwar l-infrastruttura Gatt huwa pożittiv u jgħid illi sa issa t-toroq qed jiġu rranġati tajjeb u qed isiru aktar siguri, fuq l-infurzar, jemmen li għandu jsir aktar sabiex ikunu indirizzati it-tielet tip ta' persuni li kontinwament jibqgħu jiksru r-regoli. 

‘Dak hu li nixtiequ, li s-sigurtà tidħol fil-mentalità tan-nies’ 

“Irridu ngħidu li għall-poplu, il-kelma sigurtà hija xi ħaġa li għadna  qed nitgħallmu t-tifsira tagħha u għadna qed naraw kemm hi importanti. Fil-fatt anke l-kelma ‘safety’ innifisha, bil-Malti nittraduċuha għal sigurtà, iżda fil-verità bl-Ingliż din tifsser security. Dan juri li din tmur lura għall-kultura tagħna,” spjega Gatt.

Gatt kompla jgħid li bħala NGO, it-tir tagħhom huwa li l-kwistjoni ta’ aktar sigurtà fit-triq, tidħol fil-mentalità tan-nies. Parti minn dan il-proċess, skont din l-għaqda, hija li jkunu l-awtoritajiet stess li jagħtuha aktar prominenza. 

Tant hu hekk li waqt il-kampanja elettorali, Doctors for Road safety għamlet xi proposti. “Issa li hawn amministrazzjoni ġdida, nixtiequ li din il-ħaġa terġa’ tittieħed bis-serjetà u tiġi diskussa mal-istakeholders kollha.”

48 każ ta’ korriment gravi fi żmien xahrejn

Din l-għaqda tgħid li, parti mill-problemi li hawn fil-pajjiż mil-lat ta’ sigurtà fit-toroq, hu li l-infurzar mhux b’saħħtu biżżejjed. Għalhekk tgħid li biex tikkoordina l-elementi kollha u tirranġa din is-sitwazzjoni, hemm bżonn li titfwaqqaf awtorità li torganizza l-affarjiet kollha f'dan il-qasam, taħt kappa waħda, b’aġenda waħda. 

“Għaliex? Għax dan l-aħħar snin konna qed nitilfu bejn 15 u 20 persuna fis-sena minħabba inċidenti. U dawk l-imwiet biss. Fir-rigward ta' korrimenti gravi jkollna mat-300 każ fis-sena. Dawn ifissru nies li tilfu x-xogħol, ikunu rikoverati fl-isptar mill-inqas sitt ġimgħat. Kif ukoll hemm ir-realtà li l-persuna mweġġa’ possibilment tkun dik li jkollha d-dħul ewlieni tal-familja,” qalet l-NGO. 

Kien hawn li Gatt, li huwa kirurgu fit-taqsima tal-ortopedija spjega li huma jikklassifikaw korriment li jkun gravi meta jkun ksur kbir. L-agħar każi jkunu dawk ta’ ksur tal-pelvi, fil-kuxtejn u l-qasba tas-sieq. 

Qal li mill-ewwel tas-sena sa’ din il-ġimgħa kien hemm 48 persuna li ddaħħlet l-isptar minħabba inċidenti. Minn dawn 38 persuna kienu sewwieqa jew passiġġiera u 10 persuni kienu mexjin fit-triq. Il-kirurgu jgħid li meta mqabbla ma' inċidenti industrijali, seħħew aktar inċidenti tat-traffiku u dan juri l-problema li għandu l-pajjiż.

‘Il-karozzi f’Malta huma l-king of the road’ 

L-għaqda tenniet li l-karozzi jieħdu preċedenza qabel kull aspett ieħor fit-toroq Maltin.  “B’mod ġenerali nibża’ li l-ewwel it-tieni u t-tielet priorità hija l-karozza imbagħad forsi jiġi l-aspett ta’ sigurtà. Il-karozzi f’Malta huma l-King of the road.” 

L-għaqda fakkret li skont il-kalkoli tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO), l-ispiża ekonomika ta’ dawn l-inċidenti, għall-pajjiżi bi dħul medju huwa ta’ 1.5% tal-Prodott Gross Domestiku, “jiġifieri jekk tikkalkulaha ma’ Malta, iċ-ċifra tiġi bejn €200 u €250 miljun, li hi ċifra li kważi lanqas temminha. Għal dan m’għandniex studji speċifiċi imma huwa importanti li naċċettaw u nemmnu li għandna problema kbira, kemm mil-lat ekonomiku u anke uman.” 

Gatt għalhekk kompla jgħid li biex din il-problema tittieħed verament bis-serjetà, trid tħares lejn diversi aspetti fosthom dak legali u tal-infurzar. Għalhekk jisħaq fuq l-importanza ta’ awtorità. 

‘Imma x’inhu jikkawża dawn l-inċidenti?’

Il-gazzetta ILLUM staqsiet: L-ammont sostanzjali ta’ karozzi fit-toroq, qed ikunu parti mill-problema tal-inċidenti? Wasal iż-żmien li ngħollu l-età tal-liċenzja tal-karozza ? 

Hawn l-għaqda tgħid li hemm diversi fatturi li jwasslu għal-inċidenti u allura wieħed ma jistax jgħid liema hija dik il-kawża ewlenija. 

Gatt, filwaqt li ma jarax il-bżonn li ngħollu l-età tal-liċenzja tal-karozza jgħid li, “l-mument li tgħaddi mit-test tal-karozza ma jibqgħux jintużaw ir-regoli li wieħed ikun tgħallem waqt il-lezzjonijiet proprju biex jitla' għat-test. X’inhi r-raġuni m’għandniex risposta għaliha! Għalhekk huwa importanti li jkollna awtorità, li twieżen u tirregola dak kollu li qed jiġri hemm barra.” 

L-għan tagħna hu li mhux issewwi l-iżball iżda li tipprevjenih qabel ma’ jsir

Punt ieħor li qajjem Gatt huwa l-fenomenu ta’ distracted driving. Jgħid li filwaqt li l-islogan tagħhom bħala NGO hija ‘eyes on the road’, jisħaq li fil-pajjiż qed jinħolqu diversi distrazzjonijiet li jwasslu biex is-sewwieq jaljena rasu. Fosthom huwa jsemmi; billboards, screens u ornamenti oħra li jiġu inawgurati ma’ xi triq ġdida. 

“Għalkemm tista’ toqgħod tgħid li tagħmel ħaġa u oħra, din għandha ssir b’mod professjonali. Dak hu l-punt tat-tluq, li jkun hemm xi ħaġa ddedikata għal din il-kwistjoni biss. Issa qabel ma ssolvi l problema tkun xi tkun, trid tara li għandek problema u tammetti li għandek problema,” kompla jgħid Gatt.

‘Jekk ma taħsibx li se tiġri lilek u tkun involut f’inċident, sejjer żbaljat’

Doctors for Road Safety tgħid li, minkejja li din hija reazzjoni umana normali, l-kunċett li persuna taħseb li qatt ma tista’ tkun involuta f’inċident u li, ‘u le din mhux se tiġri lili’, hu wieħed żbaljat. 

Jikkwota għal darb’oħra lill-Organizzjoni Dinjija tas-Saħħa li tgħid illi s-sigurtà fit-triq mhux biss għas-sewwieqa iżda wkoll għal dawk kollha li jinsabu fit-Triq. L-WHO tgħid li dawk li jkunu fit-triq u jintlaqtu b’karozza li għaddejja bil-veloċità ta’ 30 km fis-siegħa għandhom ċans ta’ 90% li jgħixu, filwaqt li dawk li jintlaqtu b’velotċità ta’ 45 km fis-siegħa għandhom inqas minn 50% ċans li jgħixu. Minn naħa l-oħra dawk li jintlaqtu b’80 km fis-siegħa m’għandhom l-ebda ċans li jgħixu. 

“Kulħadd iħossu superman… Ejja ngħidu li ma tiġrix lilek, però qed tħallas għaliha inti. Dan kollu npattu għalih aħna mit-taxxi ta’ kulħadd. Fl-aħħar tal-ġurnata hija problema ta’ kulħadd mhux biss min għandu karozza,” żiedet l-NGO. 

‘Il-Maltin dipendenti wisq fuq is-sewqan’ 

L-NGO tgħid li Malta hija dipendenti wisq fuq is-sewqan u l-karozzi tagħna. Gatt jgħid li meta persuna tkun dipendenti fuq l-alkoħol l-ewwel stadju tal-programm huwa li wieħed jirrikonoxxi li għandu problema u għalhekk tgħid li pajjiżna hekk għandu bżonn li jagħmel. 

Ray Gatt temm jgħid mal-ILLUM li “l-għan tagħna huwa li nwasslu biex mhux insewwu l-iżball iżda li nipprevjenu milli jsir." 

More in Politika