"Jiena nemmen li f'dawn is-sena u nofs għamilna ħafna xogħol u l-partit avvanza - mhux fin-numri - imma bnejna pedament," sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li qal illi l-aħħar jiem kienu iddominati b'numru ta' laqgħat ma' uffiċjali, mat-tim ta' madwaru u oħrajn. "Skantajt kemm kellmuna nies li jridu jagħmlu xi ħaġa... hawn enerġija ġdida fil-PN," qal Grech li sostna li kull min irid jaħdem għal għan komuni għandu post fil-PN. Huwa qal li minkejja t-telfa elettorali aktar nies qed juru li jridu jaħdmu fil-PN, anzi sostna li huwa proprju minħabba din it-telfa li aktar nies - skont hu - qed jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista.
Dan qalu fuq Net TV f'waħda mill-ewwel intervisti tiegħu wara illi l-PN sofra minn telfa rekord ta' 39,500 vot inqas mill-Partit Laburista, telfa akbar fil-fatt minn dik tal-2017 meta l-Partit Nazzjonalista kien tilef l-elezzjoni b'madwar 36,000 vot.
"Il-PN għandu bżonn biss lil min irid jimxi fl-istess direzzjoni," kompla jgħid filwaqt li saħaq li mhux se jittollera lil min irid jagħmel il-ħsara u lil min ma jiġbidx ħabel wieħed għalkemm aċċenna dwar l-importanza tad-diskussjoni u anke nuqqas ta' qbil, sakemm dan ikun fl-istrutturi tal-partit.
"Importanti li dan il-partit jibqa' jiffunzjona u jissaħħaħ," sostna l-Kap tal-PN li sejjaħ dak li għaddej minnu l-partit li jmexxi bħalissa bħala "proċess ta' tiġdid li jseħħ wara kull elezzjoni."
Huwa qal ukoll li jixtieq isaħħaħ aktar il-preżenza tal-PN fin-naħa ta' isfel ta' Malta, fejn fil-fatt il-PN sofra minn telfa kbira hekk kif reġa' tilef siġġu fil-Ħames Distrett, biex b'hekk tella' biss siġġu wieħed fit-Tieni, it-Tielet, ir-Raba' u l-Ħames distretti. Dan filwaqt li l-PN ma rnexxielu jtella' r-raba' siġġu f'ebda distrett elettorali u reġa' tilef it-tielet siġġu f'Għawdex, għat-tieni darba.
Grech għamel twissija ċara biex min jixtieq jagħmel id-differenza imur jitkellem mal-partit u mhux jikteb fuq il-midja soċjali, u għamilha ċara wkoll li "se jkun hemm id-dixxiplina."