Editorjal | Issa li kiseb l-akbar leġittimità politika Abela għandu jużaha bilgħaqal!

Issa ġej il-vera test ta' Robert Abela! Issa se jibda l-ewwel mandat tiegħu li se jurina verament kif isarraf l-appoġġ li jingħatalu! 

Robert Abela ilu sentejn Prim Ministru ta' Malta. Sentejn mhux faċli, mimlijin sfidi u ħtieġa ta' deċiżjonijiet diffiċli. Imma minkejja kull test, anke test ta' governanza wara li l-predeċessur tiegħu ħallielu biċċa uġigħ ta' ras mhux ħażin. Minkejja kollox iżda u minkejja li Abela kellu jieħu deċiżjonijiet mill-aktar diffiċli u iebsa - deċiżjonijiet li jidher illi ngħataw l-approvazzjoni assoluta ta' maġġoranza qawwija mill-poplu - Abela kien għad fadallu ħaġa waħda nieqsa. U din hija l-leġittimità, jiġifieri l-awtorità morali li persuna tmexxi pajjiż. U dan huwa riżultat tal-fatt li hu qatt ma kien iffaċċja lill-poplu u qatt ma kien talbu mandat. 

Imma dak kien il-passat hekk kif il-poplu, nhar is-26 ta' Marzu mhux biss ta mandat lil Abela iżda tah l-akbar mandat li qatt ta dan il-poplu lil kwalunkwe partit politiku mill-Indipendenza lil hawn. Mhux ċajta, li disa' snin minn kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista  jirnexxilu jikseb maġġoranza ta' kważi 40,000 vot. Mhux ċajta li din il-maġġoranza inkisbet wara pandemija li weġġgħat mhux ftit lill-ekonomija, wara leġiżlatura li kellha taqlib konsiderevoli fiha u wara li ħames snin ilu inqatlet ġurnalista. Mhux ċajta li minkejja kull aspettativa popolari l-Labour baqa' jappella għal tant u tant nies u għal tant u tant setturi differenti tal-poplu, inkluż sezzjoni tal-poplu li qatt ma kellha xi affinità partikolari lejn il-Partit Laburista. 

Jiġfieri l-leġittimità Abela kisibha u kif! 

Imma issa dak il-passat ukoll. Il-mistoqsija issa u għal ħames snin li ġejjin se tkun, Robert Abela x'se jagħmel b'din il-leġittimità? Se jisma' aktar? Se jkun aktar intolleranti lejn min ma josservax regoli ta' etika fil-Grupp Parlamentri? U finalment u l-aktar importanti - Se jagħti priorità vera lill-ambjent u mhux biss iwettaq dak li wiegħed imma aktar? Jew issa li għaddiet l-elezzjoni ninsew kollox? Se jżomm sod mal-wegħdi finanzjarji tiegħu? Jew se jsib xi skużi - kif kien għamel għad-detriment politiku tiegħu - Lawrence Gonzi? 

Issa ġej il-vera test ta' Robert Abela! Issa se jibda l-ewwel mandat tiegħu li se jurina verament kif isarraf l-appoġġ li jingħatalu! 

More in Politika