'Jekk il-vantaġġ kbir, għaliex qed tixtru l-voti? Indunajtu li xebbajtu anke lil Laburisti?' - Grech

Bernard Grech jisħaq li l-programm elettorali tal-PN se joħloq aktar minn 32,000 impjieg u jisfida lill-PM biex ifittxu bil-liġi jekk jaħseb li wettaq xi illegalità fir-residenza tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech staqsa għaliex, jekk verament il-Gvern għandu vantaġġ kbir fuq il-Partit Nazzjonalista, se jibqa’ jixtri l-voti biċ-ċekkijiet, bl-istipendji u bl-għoti tal-impjiegi.

Grech qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fil-Mosta mid-Dekan tal-Fakultà għall-Ħarsien tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, fejn fost oħrajn kien mistoqsi dwar is-sondaġġi u l-fatt li dawn qed juru li Robert Abela huwa fdat aktar minn Bernard Grech.

Il-Kap Nazzjonalista insista li l-uniku sondaġġ li jgħodd huwa dak ta’ nhar is-Sibt li ġej. Kien hawn li staqsa għaliex, jekk verament hemm vantaġġ kbir, il-Gvern ħass li kellu jqassam issa ċ-ċekkijiet, joħroġ qabel l-istipendji u anke jkompli jagħmel l-interviews f’Għawdex biex jagħti aktar impjiegi.

“Għaliex dan il-ġenn kollu? Mela qed tindunaw li xebbajtu anke lil ħafna Laburisti?”, staqsa Grech. “Jiena nibqa’ nikkonvinċi sal-aħħar minuta. Jiena nibqa’ mmur għall-intervisti. Jiena seren għax jiena ma għandix minn xiex nibża’. Baqgħu ma sabu xejn dwaru minkejja li pprovaw ifittxu ħafna fuq il-passat tiegħi.

'Se noħolqu 32,000 impjieg ta' kwalità'

Mistoqsi wkoll dwar il-costings, Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista ma għamilx biss bħal Partit Laburista u poġġa prezz fuq il-programm elettorali.

“Aħna moħħna fil-valur tiegħek,” saħaq Grech.

Insista li l-programm elettorali tal-PN se jkun qed iżid aktar minn 32,000 impjieg “b’pagi saħħithom” u anke joħloq tkabbir ekonomiku ta’ €40 miljun.

“Mhux se jkun hemm bżonn li nbiegħu ruħna biex noħolqu l-ġid,” saħaq Grech waqt li fakkar fl-għaxar setturi ekonomiċi ġodda.

Insista li dan kollu se jkun qed isir mingħajr ma jiżdiedu t-taxxi, il-kontribuzzjonijiet soċjali u l-VAT. Fi kliemu, Robert Abela mhux qed jagħmel din il-wiegħda.

“Se nżidu l-pensjonijiet u ngħinu lin-nies li jinsabu fil-kera ta’ qabel l-1995. Se ngħinu lil dawk li għandhom bżonn l-IVF kemm Malta u anke barra. Se ngħinu lin-nisa tad-dar,” kompla jisħaq Grech.

'Mhux se nibagħtu ċ-ċekkijiet biss ... aħna nwaqqfu s-serq mill-kontijiet'

Dwar il-faqar, insista li Gvern Nazzjonalista mhux se jagħmel bħall-Partit Laburista u jistudja l-faqar, imma se jidħol u mill-ewwel jibda jindirizzah.

Hawn insista li l-Prim Ministru mhux jieħu bis-serjetà il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja u fakkar fil-wiegħda tal-PN li jinħoloq fond ta’ €40 miljun biex ikunu mgħejjuna dawk li jimportaw u jesportaw.

“Aħna mhux se nibagħtu ċekkijiet biss. Dawk nibgħatuhom ukoll,” insista Grech. “Aħna nwaqqfu s-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma u nagħtu lura dak kollu li nsteraq.”

Meta Azzopardi fakkar li l-Gvern għen u salva l-impjiegi fil-pandemija, Grech saħaq li l-Gvern għamel dak li kien fid-dmir tiegħu.

“Ma nistgħux nibqgħu nagħmlu l-eloġju lill-politiku. Il-politiku fid-dmir li jgħin. Mela allura ngħidu proset lill-edukaturi, lill-Pulizija, lill-bdoti, lill-infermiera,” insista Grech.

Fakkar biss illi li kieku ma kinitx l-Unjoni Ewropea, kieku l-Gvern ma kienx ikollu fondi biex jixtri l-vaċċin.

“Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħares ‘il quddiem u kellu viżjoni,” insista Grech.

'Hemm differenza bejn tiekol, titħanżer u ma tixba' qatt'

Grech kien mistoqsi wkoll dwar dak li rrapporta llum is-sit LovinMalta, jiġifieri li apparti l-kuntratt li kellu Robert Abela mal-PA, kien talab €80,000 oħra minħabba sigħat addizzjonali li ħadem.

Azzopardi fakkar lil Grech li kien Gvern Nazzjonalista li fl-2017 ta dan id-direct order lill-kumpanija legali tal-Prim Ministru.

“Hemm differenza bejn tiekol, titħanżer u ma tixba’ qatt,” insista Grech. Fakkar li kien malli tela l-Partit Laburista li l-kumpanija bdiet tieħu €17,000 fix-xahar u aktar tard €28,000 fix-xahar.

Insista li f’dan iż-żmien, Abela uża l-pożizzjoni tiegħu biex jirregolarizza illegalitajiet f’villa li hu xtara ħamest ijiem wara li ħarġu l-permessi għal prezz ta’ €600,000, meta fi kliem Grech, din tiswa ħafna aktar.

Kompla jfakkar li issa sar magħruf ukoll li Abela kera din l-istess proprjetà lil Russi li riedu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

“Ried ikompli jibla’ u jiġi jaqa’ u jqum mis-sigurtà tal-pajjiż,” insista Grech “Irid aktar poter biex ikompli jibla’.”

Kien hawn li insista li Abela qed jigbed fuqu meta jgħid li hu bena d-dar tiegħu illegalment.

“Jekk ksirt il-liġi, għaliex ma tfittixnix?” sfida Grech lil Abela. “Jew tibża’ li jiġri kif ġara fil-każ ta’ Giovanna Debono li ħarġet illiberata? Jew tibża’ li jiġri kif ġara lil Karol Aquilina u lil Toni Bezzina?”

'Għalija l-kaċċatur huwa aktar importanti mill-għasfur'

Dwar il-kaċċa, il-Kap Nazzjonalisra wiegħed li jibqa’ jipproteġi d-delizzju tal-kaċċaturi kif jipproteġi delizzji oħra.

“Trid tapprezza li dak il-persuna għandu delizzju. Dak il-persuna huwa aktar importanti mill-għasfur li forsi jkun qed jiġi maħqur,” insista Grech. Madanakollu saħaq li l-kaċċatur għandu wkoll id-doveri u jrid jimxi mal-liġi.

Insista li l-annimali mhumiex l-għasafar biss u semma ftit mill-proposti li qed jagħmel il-PN biex isaħħaħ id-drittijiet tal-annimali, fosthom li jiżdiedu l-poteri u r-riżorsi tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali u anke jiħraxu l-pieni għal min jinqabad jaħqar l-annimali.

Qal ukoll li Gvern Nazzjonalista jassigura li fejn jidħlu annimali eżotiċi, ikun hemm bżonn il-permessi minn qabel biex ikun żgurat li l-annimal ikun jista’ jgħix Malta, b’dinjità u mingħajr ma jkun maħqur.

Fost proposti oħra semma t-tiswija tal-annimali tat-triq, il-microchips tal-qtates u oħrajn.

More in Politika