'Il-PM jaħseb biss għalih innifsu u għal butu ... is-Sibt hemm bżonn turi li ma tiflaħx aktar l-arroganza'

F'diskors qasir, Grech tkellem biss dwar il-villa tal-PM fiż-Żejtun u l-istejjer dwarha u saħaq li Abela jrid maġġoranza akbar biex ikun jista' 'jagħmel li jrid bi flusek'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, f’diskors qasir u dritt għall-punt saħaq li l-għażla nhar is-Sibt li ġej se tkun dwar lil min il-Maltin iridu bħala Prim Ministru jekk mhux lilu, jew inkella lil Robert Abela li fi kliem Bernard Grech, jaħseb biss għalih innifsu u għal butu.

Huwa qal dan waqt attività taħt it-tinda fil-Gżira, fil-bidu tal-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali. Bernard Grech saħaq li l-poplu ma jistax jafda aktar lil Robert Abela, għax fi kliemu, issa nqabad “iswed fuq l-abjad.” Huwa kien qed jirreferi għall-kwistjoni dwar il-villa taż-Żejtun.

Grech tenna li kien Robert Abela stess li rranġa biex joħorġu l-permessi biex tkun irregolarizzata il-villa f’ODZ fiż-Żejtun. Fi kliem il-Kap Nazzjonalista, qabel għamel dan, Abela rabat lis-sid bil-prezz ta’ €600,000, iżda insista li meta ħarġu l-permessi, la n-nuqqasijiet kienu rregolarizzati, il-villa kienet tiswa l-miljuni.

“Ilbieraħ sfidajt lil Robert Abela biex jippubblika r-rapport li ppreżenta lill-Kummissarju tat-Taxxi dwar il-valur. Robert Abela għadu ma ppubblika xejn,” insista Grech. “Din hi l-għażla li għandek. Tridx Prim Ministru li jaħseb fih innifsu biss.”

Irrefera għal rapport li deher ilbieraħ, jiġifieri li Abela kien qed jikri l-villa tiegħu lil persuni Russi li jkunu jridu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

Saħaq li mhux ta’ b’xejn li dam ġimgħa biex waqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza lir-Russi meta faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna.

“Flok ħa ħsieb jipproteġi lilek u lil pajjiżna, dan reġa’ ipproteġa butu għax dan jaħseb għalih biss,” saħaq Grech.

Kien għalhekk li akkużah ukoll bħala evażur tat-taxxa.

“Sirna nafu li l-eluf li daħħal mill-kirjiet, ma kinux iddikjarati fid-dikjarazzjoni tal-assi u tat-taxxa tiegħu,” saħaq Grech. “Qed taraw għaliex ma għandux ċertifikat tat-taxxa? Qed tifhmu għaliex ma riedx jarah b’għajnejh iċ-ċertifikat tiegħi? Robert Abela jibża’ mid-dellijiet kbar li għandu hu,” insista Abela.

Kien hawn li saħaq li propju għalhekk li Robert Abela jrid ikabbar il-vantaġġ u jirbaħ b'maġġoranza akbar.

Ħeġġeġ lil dawk il-Laburisti li qed iħossuhom “irrelevanti” jew “mhux apprezzati” biex imorru jiġbru l-vot u jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista.

“Ivvota biex ma jkollux aktar poter f’idejh u jagħmel li jrid bi flusek,” saħaq Grech. “Mhux ta’ b’xejn li għamel minn kollox biex ma nsirx Kap tal-Oppożizzjoni. Is-Sibt hemm bżonn turi li ma tiflaħx tara aktar arroganza, li mhux aċċettabbli li jaħli €70 miljun biex jagħtihom lil Steward, li mhux tajjeb li juża l-poter biex hu jagħmel aktar flus.”

More in Politika