‘Fl-2020 bdejna paġna ġdida' - Abela jappella lil votanti diżappuntati b'dak li seħħ qabel l-2019

Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq li 'x'jiġri s-Sibt mhuwiex garantit' u jinsisti li l-astensjoni mill-vot 'mhijiex soluzzjoni'

Il-Prim Ministru Robert Abela appella lil dawk li afdaw lill-Partit Laburista u li huma ddiżapuntati b’dak li seħħ fl-2019 u fis-snin ta’ qabel, biex iħarsu lejn dak li wettaq hu mill-2020 ‘il quddiem.

Abela qal dan meta kien qiegħed jieħu sehem fil-programm XTRA, ippreżentat minn Saviour Balzan, fil-bidu tal-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Mistoqsi dwar is-sondaġġi, li qed juru rebħa ċerta għall-Partit Laburista, il-Prim Ministru fakkar li hemm numru ta’ voti mhux miġbura u nies li għadhom mhux deċiżi x’se jagħmlu. Tul il-programm kollu, għamel enfasi aktar minn darba u insista li “x’jiġri s-Sibt mhuwiex garantit.”

Abela għamel analiżi ta’ dawk li fi kliemu huma tliet kategoriji ta’ nies li għadhom mhux deċiżi kif se jivvotaw. Beda  b’dawk li dejjem ivvotaw lill-Partit Laburista u li huma mweġġa’ b’weġgħat personali.

Saħaq li ħafna minn dawn ma għandhomx mistoqsijiet jew dubji kbar u kull ma jridu huwa li xi ħadd jismagħhom kif qed jagħmlu waqt iż-żjarat fid-djar.

“Lil dawn in-nies nappellalhom dwar l-importanza tad-deċiżjoni tagħhom għall-futur ta’ pajjiżhom,” saħaq Abela.

It-tieni kategorija, saħaq Abela, huma persuni li vvotaw għall-ewwel darba lill-Partit Laburista fl-2013 u hekk reġgħu għamlu fl-2017, imma forsi mhumiex kuntenti b’dak li ġara fl-2019 u fis-snin ta’ qabel.

“Dawn kienu kruċjali biex wettaqna r-riformi li għamilna fl-aħħar snin,” insista Abela. “Nittama li jiena ma ddiżapuntajtkomx.”

Fil-fatt, l-appell ta’ Abela lil dawn in-nies huma biex iħarsu lejn dak li wettaq hu mill-2020 ‘il quddiem u r-riformi li hu wettaq fejn tidħol il-governanza, fost oħrajn.

It-tielet kategorija ta’ nies indeċiżi, skont il-Prim Ministru huma Nazzjonalisti li ma jarawx fil-PN aspirazzjoni fil-futur tagħhom.

“Ħarsu lejn kif imxejna fi żmien il-pandemija. Nagħmel impenn magħkom li nkomplu ntejbu dak li għamilna,” kien l-appell tal-Prim Ministru għal dawn in-nies. “Li tastjeni s-Sibt mhijiex soluzzjoni.”

‘Inwiegħed kabinett b’nies ta’ esperjenza u nies ġodda’

Balzan staqsa lill-Prim Ministru jekk mhux qed iħares lejn kabinett kbir jew inkella wieħed iżgħar fid-daqs, iżda l-Prim Ministru tenna li qabel is-Sibt xejn mhu ċert.

Qal biss li hu jista’ jassigura kabinett b’nies ta’ “kompetenza u ta’ esperjenza li huma tried-and-tested” u anke nies li huma ġodda.

Għandna nies ta’ kompetenza. Għalhekk importanti li s-Sibt tivvotaw għall-istabbilità. Magħna għandkom track-record ta’ garanzija

Għal aktar minn darba, ħeġġeġ lill-votanti biex iħarsu lejn min huma l-kandidati taż-żewġ partiti ewlenin.

Fi kliemu, il-PL għandu nies li huma esperti fl-oqsma kruċjali tas-saħħa, tal-ekonomija, tal-finanzi u anke tal-enerġija. “In-naħa l-oħra ma ssib xejn,” insista Abela.

‘Magħna għandkom track-record ta’ garanzija...’

Fil-fatt, anke meta mistoqsi dwar kif se jassigura li l-pajjiż ikollu biżżejjed flus biex iżomm prezzijiet stabbli tal-enerġija, fid-dawl tal-kwistjonijiet li għaddejin bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-Prim Ministru insista li fl-aħħar snin, il-Gvern kien għaqli fl-immaniġġjar tal-finanzi tal-pajjiż.

“Għandna nies ta’ kompetenza. Għalhekk importanti li s-Sibt tivvotaw għall-istabbilità. Magħna għandkom track-record ta’ garanzija,” insista.

Saħaq li l-istabbilità hija meħtieġa għall-pajjiż u t-tkabbir ekonomiku.

“Ilna nagħtu din l-istabbilità minn Marzu tal-2020. Qisu għandna replika ta’ dak li ġara f’Marzu 2020. Qed naħdmu bl-istess mudell ekonomiku fejn ma mornix għall-awsterità kif kienu għamlu ta’ qabilna. Nafu x’kien ġara? Żdied il-qagħad u staġnat l-ekonomija,” insista Abela.

‘Mill-2020 ‘il quddiem tajna messaġġ li huwa b’saħħtu ħafna’

Tul il-programm kollu, il-Prim Ministru għamel enfasi partikolari biex jitkellem dwar dak li wettqet l-amministrazzjoni mmexxija minnu mill-2020 ‘il quddiem.

Fi kliemu, minn kemm ilu Prim Ministru hu, il-Gvern “bagħat messaġġ b’saħħtu ħafna.”

Waqt li kien qed iwieġeb għal kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li f’intervista riċenti akkuża lill-Gvern li huwa korrott, il-Prim Ministru insista li Bernard Grech qiegħed jitkellem “bl-istess mod ta’ dawk li poġġewh fis-siġġu.”

Insista li fejn tidħol il-governanza, huwa wettaq ħafna. Semma fost oħrajn il-mod ġdid kif qed jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Prim Imħallef u anke r-riforma biex il-President tar-Repubblika jinħatar bil-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament.

Tkellem dwar il-Moneyval u saħaq kif f’medda ta’ ftit xhur u fi żmien pandemija, il-Gvern indirizza r-rakkomandazzjonijiet kważi kollha li sarulu issa anke l-FATF kkonfermaw li Malta indirizzat il-pjan ta’ azzjoni biex eventwalment toħroġ mil-lista l-griża.

‘Fil-mument li daħal hu reġgħet ħadet over il-klikka...’

Akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni “li huwa miġbud bl-ispag” u saħaq li kemm ilu li sar hu Kap tal-PN, “reġgħet ħadet over il-klikka” li kienet tmexxi l-Partit Nazzjonalista qabel l-2017.

Insista li fi żmien Adrian Delia, intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards u anke tal-Prim Imħallef, żewġ karigi importanti fil-pajjiż.

Minkejja dan, fl-aħħar xhur, mhux jintlaħaq qbil dwar il-ħatra tal-Ombudsman. Kien hawn li Abela staqsa jekk Grech huwiex kuntent bl-istatus quo fl-Uffiċċju tal-Ombudman.

“Ma jistax ikun li jressaq ismijiet li ma jagħtux garanzija ta’ newtralità,” insista Abela dwar Grech. “Ma tistax tkun miġbud bl-ispag. Ngħidlu isem u jgħidli li jrid imur jikkonsulta.”

Bejgħ taċ-ċittadinanza: ‘Mhux l-image imma x’għamilna’

Abela kien mistoqsi wkoll dwar il-kriżi fl-Ukrajna u l-fatt li Malta damet ma waqqfet il-bejgħ tal-passaporti lir-Russi, xi ħaġa li l-Oppożizzjoni qabdet magħha tul il-kampanja.

Il-Prim Ministru ħarab milli jwieġeb b’mod dirett dwar l-iskema taċ-ċittadinanza u insista li mhux dak li jidher imma dak li seħħ li huwa importanti.

Saħaq li hu kien fuq il-mejda mal-bqija tal-mexxejja membri tal-UE meta ntlaħaq qbil dwar l-ewwel pakkett ta’ sanzjonijiet li anke Malta implimentat.

Fakkar li Malta tat xejn inqas minn €1.4 miljun f’mediċina lill-Ukrajna, tat l-ażil lil 31 persuna u anke qed toffri kura onkoloġija lil tifla Ukrena.

Aktar tard din il-ġimgħa, il-Prim Ministru se jkun qed jattendi wkoll għas-summit tal-Kunsill Ewropew.

Abela xott dwar il-villa u l-permess ta’ Portelli

Saviour Balzan staqsa lil Abela dwar l-aħħar kontroversji li f’nofshom hemm hu, fosthom dwar il-Villa fiż-Żejtun li l-permessi tagħha ġew irregolarizzati ftit ġimgħat biss qabel xtraha u anke dwar il-permess mogħti lil Joseph Portelli għal żvilupp massiċċ f’żona ODZ fis-Sannat, ftit jiem biss wara li l-istess Abela kien il-mistieden tiegħu.

“L-iżvilupattur qatt, qatt u qatt ma kellimni fuq dan il-permes

Il-Prim Ministru kien xott. Qal biss li dwar il-villa fiż-Żejtun diġà wieġeb, tħallset it-taxxa kollha, il-prezz huwa ddikjarat u l-kuntratt huwa pubbliku.

Dwar il-permess ta’ Portelli, Abela qal li dan mhuwiex wieħed definittiv u għad hemm iċ-ċans tal-appell.

“L-iżvilupattur qatt, qatt u qatt ma kellimni fuq dan il-permess,” insista Abela.

Aktar tard Abela qal li l-Gvern qed iwiegħed li l-ambjent ikun prijorità u meta toħroġ il-permessi, l-Awtorità tal-Ippjanar trid iżżomm f’moħħha din il-linja.

Ċekkijiet: Issa kien il-mument li twieżen in-nies

Irrisponda wkoll għall-kritika dwar iċ-ċekkijiet għax dawn tqassmu fi żmien l-Elezzjoni Ġenerali. Saħaq illi li kieku l-Gvern bagħat iċ-ċekkijiet fi żmien l-elezzjoni biss, kien jifhem il-kritika.

Madanakollu fakkar li ċ-ċekk tar-rifużjoni ilu jintbagħat ħames snin. Fakkar ukoll fl-għajnua mogħtija fi żmien il-pandemija, fosthom fis-suppliment tal-paga u l-vouchers.

Saħaq li minħabba l-kriżi fl-Ukrajna u anke l-inflazzjoni fil-prezzijiet, il-Gvern ħass li issa kien il-mument li jwieżen lin-nies.

‘Dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni ma tistax tieħdu b’serjetà.

Balzan staqsa wkoll dwar il-proposta tal-Partit Laburista dwar sħubija mandatorja fi trejd union, , proposta li ma niżlet tajjeb xejn ma’ min iħaddem u l-Kamra tal-SMEs.

Abela qal li l-Gvern irid li ssir diskussjoni. Mill-banda l-oħra fakkar li sa ftit tax-xhur ilu, Bernard Grech, li llum qed jiddeskrivi din il-proposta bħala “oppressjoni” ma kienx qed jitkellem dwar diskussjoni imma dwar sħubija mandatorja.

Kien hawn li insista li dak li tipproponi l-Oppożizzjoni ma jistax jittieħed b’serjetà.

Homework: ‘L-edukaturi se jwassluna għad-deċiżjoni finali’

L-istess dwar il-homework u l-kummenti tiegħu li dan għandu jitneħħa. Abela qal li hu jsibha diffiċli li jkollok studenti li jibqgħu għaddejin bil-homework sa tard filgħaxija, mingħajr ċans ta’ mistrieħ jew biex jieħdu sehem f’attivitajiet extrakurrikulari.

Madanakollu anke hawn qal li trid issir diskussjoni waqt li saħaq li l-edukaturi se jkunu dawk li jifformaw il-politika u d-deċiżjoni.

“Xejn impost. Huma jridu jwassluna għad-deċiżjoni finali,” temm jisħaq Abela.

More in Politika