'Il-Parlament għandu bżonn nies integri li jaħdmu għall-ġid komuni' - L-appell tal-Knisja lill-votanti

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qed tappella biex min ikun fil-Gvern jaħdem id f'id ma' pajjiżi biex l-enerġija ma tibqax ibbażata biss mill-karburanti fossili (fossil fuels) u impjanti nukleari

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent saħqet li l-Parlament għandu bżonn nies li jkollhom integrità, li jkunu ta’ sinsla u li jkunu kapaċi jisfidaw lill-partit tagħhomm stess biex imexxi ‘l quddiem il-ġid komuni.

Fi stqarrija, b’appell biex min se jmexxi l-pajjiż jieħu ħsieb tassew l-ambjent ta’ madwarna, il-Kummissjoni saħqet li dawn in-nies integri għandhom ikunu kemm fuq in-naħa tal-Gvern u anke tal-Oppożizzjoni.

Appellat biex kulħadd jivvota b’mod għaqli.

L-istqarrija tappella lil min se jkun fil-Gvern biex jagħmel l-isforz kollu tiegħu mal-bqija tal-Ewropa u d-dinja biex l-enerġija ma tibqax ibbażata biss mill-karburanti fossili (fossil fuels) u impjanti nukleari.

“Dan fid-dawl tal-invażjoni traġika u insensata tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja, fejn il-gwerra ġabet fuq quddiem nett ukoll kwistjoni ambjentali fundamentali marbuta mas-sorsi tal-enerġija,” saħqet il-Kummissjoni Ambjent.

Insistiet li l-ambjenti naturali u urban tal-pajjiż qed jitħassru mhux neċessarjament minħabba xi nuqqas ta’ investiment imma minħabba pjani u policies ħżiena. 

Saħqet li l-ħsara ambjentali tieqaf jekk ikun hawn liġijiet, pjani u policies li ma jirrekjedu l-ebda investiment iżda li, kruċjalment, ikunu msejsa fuq pariri li jkunu ħielsa minn kunflitt ta’ interess li jingħataw lill-awtoritajiet u li dawn jippromovu b’mod sinċier il-ġid komuni. 

Il-Kummissjoni Ambjent qed tagħmel dawn l-appelli lill-amministrazzjoni l-ġdida biex :

  • Tirrevedi l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) u l-pjani lokali. Il-pjani lokali għandhom ikunu l-arbitru aħħari tal-għoli tal-bini f’kull triq fil-Gżejjer Maltin. Mhuwiex aċċettabli li għanqbuta sħiħa ta’ policies oħra tal-ippjanar jimminaw dak li jkun ġie approvat fil-pjani lokali. 
  • Tippubblika r-reviżjoni tar-Rural Policy and Design Guidance 2014. Il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni ta’ din il-policy għalqet f’Awwissu 2020. It-tkaxkir tas-saqajn fejn tidħol din ir-reviżjoni qed jippermetti li jsir iktar bini f’żoni ’l barra miż-żoni tal-iżvilupp anke jekk iż-żoni tal-iżvilupp ma ġewx estiżi b’mod uffiċjali. 
  • Tirrevedi d-Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 li qed tagħmel ħerba mill-irdumijiet f’Għawdex.
  • Ikollha biżżejjed kuraġġ biex ma timxix ma’ wegħda elettorali jekk din il-wegħda, wara li jkunu saru l-istudji meħtieġa, tkun se twassal biex jitnaqqar il-ġid komuni. 
  • Tieħu passi biex l-art agrikola fil-Gżejjer Maltin tingħata protezzjoni speċjali iktar minn dik li tgawdi llum. 
  • Tara li meta ssir konsultazzjoni pubblika fuq pjani u policies din ma tkunx waħda finta li taqdi interessi li ma jagħtux każ il-ġid komuni. 
  • Tressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament li permezz tagħha l-partiti politiċi jkunu finanzjati parzjalment mill-Istat u li l-membri parlamentari jkollhom ħlas xieraq li jnaqqsilhom il-ħtieġa li jduru fuq negozjanti u kuntratturi għal donazzjonijiet. 

More in Politika