Is-sagrifiċċju ta’ Daphne u l-prezz imħallas minn familtha m’għandhomx ikunu għalxejn' - Cassola

Cassola jisħaq li l-pajjiż jixraqlu aħjar u jsemmi s-sensiela ta' stejjer li ħarġu fl-aħħar ħames snin u li fi kliemu 'jgħiegħlu jistħu saħansitra lill-mafjużi barranin'

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola dalgħodu ta rendikont tal-istejjer kollha, l-iskandli u l-allegazzjonijiet li kkaraterizzaw l-aħħar ħames snin u quddiem il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galiziza, appella biex il-poplu “jonora l-istandards investigattivi” tagħha.

“Wegħduna li konna se nidħlu f'"L-aħjar żmien" tal-istorja indipendenti ta' pajjiżna u minflok sirna nafu li konna qed ngħixu f'pajjiż iddominat mill-ħmieġ u l-ħama. In-nies li jmexxu pajjiżna kellhom ikunu politiċi eletti demokratikament mill-poplu. Minflok, skoprejna li pajjiżna kien qed jiġi mmexxi minn xibka maħmuġa ta’ politiċi u negozjanti korrotti, kriminali, burokrati u persons of trust li jaqdu lill-partit,” insista Cassola.

Fi kliemu, Yorgen Fenech “ingħaqad” mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri “biex nisġu nisġa ta’ kriminalità u ħmieġ li ġġiegħel jistħu saħansitra lill-mafjużi barranin.”

Akkuża wkoll lil Edward Zammit Lewis u lil Rosianne Cutajar, fost ħafna oħra li fi kliemu, kienu qed jaġġixxu ta’ “poodles,” ta’ Yorgen Fenech.

“Min igawdi xi ikla fir-ranch taż-Żebbuġ u min jixxaħħxaħ fuq il-jott jew fir-Rolls Royce tiegħu, waqt li jiġbor il-loqom li sidhom kien jixħtilhom.  Anke l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx immuni għar-rigali sinjuri li Yorgen Fenech kien iwassallu. Dawn kienu jvarjaw minn żjarat b’xejn fl-Evain Les Bains Hilton, għal inbejjed Petrus, arloġġi Bvlgari u min jaf x’aktar,” kompla Cassola.

Ma naqasx milli jsemmi lil Konrad Mizzi, lil Chris Cardona, u l-famuż kumment “biċċa blogger” ta’ Adrian Delia.

“Illum qegħdin hawn quddiem il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia għax kien bis-saħħa tagħha li bdejna nindunaw li konna qed ngħixu fi stat mafjuż... Illum is-16 tax-xahar, it-53 xahar wara li Daphne ġiet sploduta mill-kabala kriminali-politika li kienet ħadet it-tmexxija ta’ pajjiżna f’idejha. Daphne fetħitilna għajnejna u bis-saħħa tagħha rrealizzajna li pajjiż u poplu, jixirqilna aħjar,” saħaq Cassola.

Temm jisħaq li kkontesta l-elezzjoni bħala bħala kandidat indipendenti bil-għan jgħix l-istandards għolja ta' investigazzjoni ġurnalistiċi li kienet stabiliet Daphne.

“Is-sagrifiċċju ta’ Daphne u l-prezz għoli mħallas mill-familja tagħha m’għandhomx ikunu għalxejn. Hija ssagrifikat ħajjitha għalina lkoll għax riedet li ngħixu ħajja aħjar,” saħaq Cassola.

More in Politika