Ministru u stazzjon televiżiv eskussivi għall-isports u inqas taxxa għall-isportivi; Il-proposti tal-PN għall-isport

Il-PN b'sensiela ta' proposti għall-isports u li jvarjaw mill-bini ta' trakka tal-karozzi u arena għall-futsal sa fondi biex ikun mgħejjuna l-atleti Maltin

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta sensiela ta' proposti għall-isports fosthom li jkun hemm Ministru ddedikat lill-isport u anke inqas ta' taxxa għall-isportivi professjonali. Apparti skemi u fondi nazzjonali biex jgħinu lill-atleti professjonali, il-PN irid li jinfetaħ ukoll stazzjon televiżiv nazzjonali free-to-air li jxandar esklussivament l-isport

"Gvern Nazzjonalista se jkun jimpenja ruħu bis-sħiħ li jwettaq aġenda mill-aktar intensiva biex l-atleti żgħażagħ tagħna, kemm jekk stabbiliti jew professjonali u kemm jekk le, ikunu jistgħu jiksbu eċċellenza jew avvanz fl-isport bħala parti integrali mill-avvanz tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna," saħaq il-PN.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali Graham Bencini u Christian Micallef ħabbru pakkett ta’ proposti li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jimplimenta f’każ li jkun fil-Gvern. Fost il-proposti hemmm dawn:

  1. Jingħata status Ministerjali lill-isport u jiġi meqjus bħala settur ekonomiku ewlieni. 
  2. Titwaqqaf entità speċifika biex tattira l-avvenimenti sportivi lejn Malta
  3. Jinħoloq il-Kampus Malti tal-Innovazzjoni Sportiva
  4. Tinfetaħ faċilità fiċ-ċentru ta’ Malta għall-indoor sports, li b’mod speċifiku tospita firxa usa ta’ dixxiplini sportivi
  5. Tinbena Futsal Arena ġdida
  6. Issir it-Trakka ta’ Ħal Far
  7. Appoġġ b’saħħtu lill-formazzjoni sportiva tat-tfal
  8. Insaħħu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport
  9. Ħidma biex Malta tingħata t-titlu prestiġjuż ta’ Belt jew Gżira Ewropea tal-Isport
  10. Appoġġ lill-atleti ta’ l-iSpecial Olympics

11. Il-PN qed jipproponi wkoll miżuri fiskali ġodda biex jingħata appoġġ finanzjarju tal-isport

Fost dawn il-PN qed jipproponi skemi biex il-kumpaniji u l-individwi li jisponserjaw lil xi klabb jew assoċjazzjoni sportivi konformi mal-ESG ikunu eliġibbli għal kreditu tat-taxxa ta’ 50% sa €50,000 fis-sena biex jinħoloq sors ġdid ta’ finanzjament f’dan is-settur.

12. Jipproponi wkoll inqas taxxa fuq id-dħul għall-isportivi professjonali

Il-persuni rreġistrati bħala plejers, atleti, kowċis, amministraturi tal-attivitajiet sportivi u dawk li jħarrġu f’xi dixxiplini sportivi jkunu eliġibbli għal rata tat-taxxa ta’ 5% fuq l-ewwel €80,000 dħul tagħhom.

13. Kreditu ta’ taxxa għal leave speċjali għall-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali

Sabiex jiġi inċentivat aktar appoġġ lill-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet barra minn pajjiżna, ser jingħata kreditu ta’ taxxa lil min iħaddem biex ikopri l-ispiża sħiħa tal-leave speċjali li jagħtu lill-atleti għal dan il-għan.

Fl-aħħar jiem, biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tal-isport, il-PN qed jipproponi wkoll:

  • Għotja ta’ €500 lin-nurseries jew tal-akkademji li huma konformi mal-ESG għal kull tifel jew tifla, żagħżugħ jew żagħżugħa sa 18-il sena li jipparteċipaw fi programm strutturat ħalli b’hekk ikunu jistgħu jwettqu investiment kapitali u jsaħħu l-istaff tekniku.
  • Appoġġ liż-żgħażagħ li jieħdu sehem fl-attivitajiet sportivi internazzjonali billi l-vawċer tal-ivvjaġġar ta’ €500 għaż-żgħażagħ ikun jista’ jintuża wkoll għal skop ta’ vvjaġġjar sportiv biex ikollhom esperjenzi ta’ taħriġ jew kompetizzjonijiet internazzjonali.
  • Ikun assigurat li l-ispejjeż kollha tal-isport extra-kurrikulari li jħallsu l-ġenituri għal uliedhom jitnaqqsu mill-introjtu taxxabbli tal-ġenituri.
  • Għotja ta’ €300 kull sena lill-ġenituri tal-istudenti sa 18-il sena li jieħdu sehem fi programm strutturat tal-isport estra-kurrikulari li jkun irreġistrat ma’ assoċjazzjoni konformi mal-ESG tal-għażla tagħhom.
  • Jiżdied in-numru ta’ lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fil-ġimgħa matul l-edukazzjoni obbligatorja, u nżidu l-kumpliment li jirċievu l-għalliema tal-edukazzjoni sportiva.

​​Bi tħejjija għall-GSSE 2023, il-PN qed jipproponi wkoll li jiżdied il-baġit allokat għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta (2023) b’€2 miljun ħalli tissaħħaħ it-tħejjija tal-atleti Maltin fl-għaxar dixxiplini sportivi: l-atletika, il-basketball, il-judo, ir-rugby, l-ibburdjar, l-isparar, l-isquash, l-għawm, it-table tennis u t-tennis.

Iwiegħed ukoll finanzjament ewlieni għall-prestazzjoni professjonali u Olimpika u anke t-twaqqif ta' fond li jgħin l-atleti Maltin jiksbu. suċċess f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Dan il-fond ikun ta' €1 miljun kull sena li jiġi allokat skond parametri stabbiliti minn Sport Malta.

Il-PN se jkun qed jinvesti fi skema ġdida ta’ fondi għall-ivvjaġġar sportiv biex jingħata appoġġ lill-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi fl-avvenimenti sportivi internazzjonali. Għal dan il-fond ikun allokat €1 miljun kull sena.

More in Politika