'Abela reġa' waqqana' għaċ-ċajt;' Jason Azzopardi jgħid li l-PM mar tard għas-summit dwar l-Ukrajna

Jisħaq li l-Partit Nazzjonalista jista' jirbaħ l-elezzjoni jekk in-Nazzjonalisti jkompli jikkonvinċu li l-programm elettorali tal-PN huwa "l-aqwa wieħed" li qatt kellu partit politiku f'Malta

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru Robert Abela mar tard għas-summit li sar f'Versailles dwar il-kriżi fl-Ukrajna.

Waqt li kien qed jindirizza attività politika f'Ħal Tarxien, Azzopardi qal li Malta ma kinitx preżenti fl-aktar parti importanti ta' dan is-summit, organizzat mill-President Franċiż, Emmanuel Macron u li għalih kienu mistiedna l-mexxejja kollha tal-Unjoni Ewropea.

"Robert Abela reġa' waqqana' għaċ-ċajt," insista Azzopardi.

Qal ukoll li anke jekk it-triq hija diffiċli, in-Nazzjonalisti jeħtieġ jemmnu li l-Partit Nazzjonalista jista' jirbaħ l-elezzjoni, jekk ikomplu jikkonvinċu n-nies, li l-programm elettorali tal-PN huwa "l-aħjar programm li qatt kellu partit politiku f'Malta.'

Akkuża lill-Gvern li ma għandu l-ebda pjan, b'mod partikolari għall-ambjent waqt li rrefera għall-proġett ta' kostruzzjoni li għadu kemm ġie approvat illum għal fuq l-irdum f'Ta' Sannat.

"Ħela ta' flus u skandlu ta' tberbiq. Il-pjazza ta' Raħal Ġdid se terġa' tinqala' mill-ġdid. €3 miljuni down the drain," insista Azzopardi. Fl-istess post, kompla jgħid kellu jkun hemm 'vertical garden' li sentejn wara l-inawgurazzjoni spiċċa għal kollox.

"Aħseb u ara kemm se jwettqu l-green lungs li qed iwiegħdu," insista.

Reġa' mar lura sal-1987 u saħaq li din l-elezzjoni hija simili għax fi kliemu "l-pajjiż qiegħed f'salib it-toroq." Għalhekk appella lil-Laburisti ġenwini biex jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista.

More in Politika