‘Steward kienu jafu għal xiex deħlin ... nippretendu li jonoraw il-konċessjoni kif inhi’

Fearne saħaq li l-Gvern iddiskuta fit-tul ma’ Steward u kien hemm klawżoli li xtaqu jdaħħlu Steward u li ma kinux favorevoli la għall-Gvern u lanqas għall-pazjenti

“Steward kienu jafu għal xiex deħlin. Mingħand Steward aħna nippretendu li jonoraw il-konċessjoni kif inhi.” Hekk saħaq id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f'intervista mal-gazzetta ILLUM.

Kemm se jdum jgħidilna li waslu “fl-aħħar” in-negozjati bejn il-Gvern u Steward? Il-PN qed iwiegħed li jieħu f’idejh l-isptarijiet. Il-PL x’se jagħmel? X’qed jitlob b’mod konkret mingħand Steward?

Fit-tweġibiet tiegħu, Fearne fakkar li l-konċessjoni li għandu Steward hija l-istess waħda li ħa minn rajh mingħand il-Vitals Global Healthcare. 

Kien hawn li insista li Steward kienu jafu għal xiex deħlin,

Fearne saħaq li l-Gvern iddiskuta fit-tul ma’ Steward għax riedu li jkun hemm xi bdil fil-kundizzjonijiet tal-konċessjoni. Insista li kien hemm proposti li l-Gvern qabel magħhom imma insista li t-tibdil li xtaqu Steward ma kienx permessibbli bil-liġi tal-procurement.

“Kien hemm xi klawżoli li xtaqu jdaħħlu Steward u li ma kinux favorevoli la għall-Gvern u lanqas għall-pazjenti. Il-Gvern iddeċieda li ma jaċċettax it-talbiet li kien qed jagħmel Steward. Insistejna li l-konċessjoni hija dik li hi,” qal Fearne.

Mistoqsi x’inhuma dawn il-klawżoli, il-Ministru ma elaborax. Tenna li xi wħud ma kinux favorevoli għall-pajjiż u oħrajn ma setgħux isiru skont il-liġi. 

Minkejja dan saħaq li l-livell tas-servizz tas-saħħa f’Għawdex “huwa tajjeb u mar ‘il quddiem” u l-istess f’Karin Grech u l-isptar San Luqa. Insista li “mhuwiex minnu” li l-Gvern qed jaħli l-flus, waqt li faħħar ukoll l-iskola medika Barts li fi kliemu hija fost l-aqwa fl-Ewropa.

“Il-kwistjonijiet bejn Steward u l-Gvern huma legali u kuntrattwali. Fost dawn il-Gvern insista li dawn iħallsu t-taxxa dovuta. Hemm inkjesta u każi fil-Qorti u se nistennew l-eżitu ta’ dawn,” insista Fearne waqt li fakkar li l-konċessjoni, kif inhi, torbot anke lill-Gvern. 

L-intervisti sħaħ mad-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne u anke mal-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius, se jkunu ppubblikati għada fit-tielet edizzjoni speċjali tal-gazzetta ILLUM fil-bidu tar-raba' ġimgħa tal-kampanja elettorali.

More in Politika