'Min hu mweġġa' iktar għandu jivvota għax il-Labour biss jista' tassew jindirizza l-inġustizzji, kif diġà għamel'

Laburisti mweġġgħin, sondaġġi, akkużi dwar impjieg lis-sieħba tiegħu, it-turiżmu, linji tal-ajru u Buġibba. Il-gazzetta ILLUM tintervista lill-Ministru Clayton Bartolo 

Il-Ministru Clayton Bartolo
Il-Ministru Clayton Bartolo

Kien Ministru tat-Turiżmu fl-aħħar snin, snin diffiċli illi matulhom dan is-settur bata u sa ċerta punt għadu jbati konsegwenzi ta' pandemija li tat daqqa ta' ħarta lill-ivvjaġġar u t-turiżmu madwar l-Ewropa u madwar id-dinja.  

Imma nibdew bis-sondaġġi, kif se nagħmlu wkoll mad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus (ara paġni 14 u 15), u nfakkru lil Bartolo illi d-differenzi bejn il-partiti f'termini ta' voti hija kbira u d-differenza fil-fiduċja hija akbar. Dawn jistgħu jwasslu biex ħafna votanti Laburisti ma jivvutawx, jew għax ma nqdewx, jew għax imweġġgħin fuq xi każ personali jew għax forsi qed iddejjaqhom xi ħaġa li tittratta lilhom. Kemm jaħseb li din l-idea illi 'il-Labour se jirbaħ żgur' qed tkun problema li twassal biex eluf ta' Laburisti ma jivvotawx?  

Bartolo beda billi qal illi l-aqwa sondaġġ huwa dak tas-26 ta' Marzu. "Inutli noqgħodu naraw dawn il-ħafna sondaġġi. Huwa tajjeb li jkollok ritratt tas-sitwazzjoni, pero' n-numri jfissru li trid taħdem aktar."  

Bartolo qal illi huwa jemmen li l-ħidma ma waqfitx tul il-leġiżlatura kollha għalkemm jammetti illi hemm min huwa mweġġa' jew forsi qed jistenna xi ħaġa partikolari u ma nqediex.  

"Jiena lil dawn ngħidilhom li mal-Partit Laburista taf fejn qiegħed u jekk għandek raġun, se tieħdu. Kif ħaduh tal-korpi, il-pulizija, tal-armata... inġustizzji li ssolvew diġà u bl-istess mod nsolvu inġustizzji oħrajn." 

Huwa qal illi minn naħa l-oħra dawn in-nies mhux se jkunu jafu fejn qegħdin ma' Bernard Grech - li jgħid illi lanqas kien ċert eżattament fuq liema distrett ħiereġ.  

"Għandna mmorru nivvotaw. Kulħadd għandu jeżerċità dan id-dritt, iktar u iktar dawk li għandhom xi weġgħa li jista' jkun biss il-Partit Laburista fil-Gvern li jista' jgħinhom fuqha," temm jgħid fuq dan il-punt Bartolo.  

'Meta tpoġġi kollox fuq il-miżien, sar ħafna iktar ġid milli żbalji' 

Imma hemm weġgħa oħra ta' settur differenti ta' votanti. Vera sar ġid u saru miżuri tajbin - speċjalment waqt il-pandemija - imma fl-aħħar ħames snin seħħ assassinju, irriżenja Prim Ministru għax hu u/jew dawk ta' madwaru għamlu l-ħażin kif ukoll rajna diversi riżenji.  

Ma jħossx li l-Partit Laburista tradixxa lil dawk li għażluh għax riedu l-bidla u politika differenti?  

Huwa fakkar illi jekk jkun elett Gvern Laburista, din se tkun it-tielet leġiżlatura tal-Partit Laburista fil-Gvern u qal ukoll li l-PL qatt ma riedha ta' perfett. "Perfetti m'aħniex, nafu li m'aħniex. Għalhekk aħna nisimgħu lin-nies u fejn ikun hemm bżonn niddeċiedu, nagħmlu propju hekk," sostna Bartolo. Huwa qal li kuntrarjament għal dan Gvernijiet Nazzjonalisti "kienu jibqgħu għaddejjin minn fuq il-poplu bħal gaffa. Jgħidu x'jgħidu in-nies." 

Huwa saħaq illi meta wieħed jitfa' kollox fuq il-miżien isib li sar ħafna ġid u li l-uniku partit kredibbli biex imexxi dan il-pajjiż huwa l-Partit Laburista.  

"Biżżejjed inħarsu lejn il-costings tal-wegħdi. Il-PN l-ewwel ħareġ b'manifest elettorali, li diġà bidel u żied u naqqas minnu xi tliet darbiet. Imbagħad qalu li se jinvestu mal-biljun ewro f'setturi ġodda, biex imbagħad qal li nofshom dawn il-flus se jkunu dejn mill-privat." 

Bartolo sostna li l-Partit Laburista żamm kelmtu li jżid il-pensjonijiet, investa b'€700 miljun f'infrastruttura u toroq u issa reġa' qed iwiegħed €700 miljun fl-ambjent. "Hekk kif konna kredibbli meta wegħdna l-investiment fit-toroq, hekk ukoll se nkunu kredibbli din id-darba." 

Clayton Bartolo kompla jgħid li kif il-PL fil-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma l-istess hekk se jaħdem biex jaċċerta li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli.  

"Meta tpoġġi kollox fuq il-miżien tinduna li twettaq ħafna iżjed ġid għall-pajjiż milli saru żbalji," insista Bartolo.  

'Mhu veru assolutament xejn' 

Bartolo kien f'nofs kontroversja minħabba l-impjieg tas-sieħba tiegħu, b'akkużi li wara l-każ ta' Justyne Caruana huwa daħħal lis-sieħba tiegħu taħdem mal-Ministeru ta' Għawdex biex ma tidhirx li qed taħdem miegħu. Dan fil-waqt li - kienet tgħid l-akkuża - fil-fatt ma kinitx tmur għax xogħol Għawdex.  

Imma dan mhux każ ta' nepotiżmu?  

"Mhu vera assolutament xejn," jibda jirririspondi Bartolo li jispjega kif is-sieħba tiegħu ma taħdimx mal-Gvern u ilha ma taħdimx mal-Gvern. "U dan ġara qabel, mhux wara, il-każ ta' Justyne Caruana.  

"Meta jiena u Amanda bdejna noħorġu flimkien iddeċidejna li nibqgħux naħdmu flimkien. Imbagħad bnew storja li wara indunaw li mhux vera għax is-sorsi ma kinux infurmati sew," qal il-Ministru Bartolo.  

Huwa sostna li ġie mitlub jirriżenja minkejja li ma taħdimx mal-Gvern u qal illi kieku s-sieħba tiegħu taħdem mal-Gvern ukoll kien ikun mitlub jirriżenja. Huwa staqsa x'inhi l-implikazzjoni eżatt hawn, hux għax tkun Laburist jew sieħba ta' Ministru titlef id-dritt li taħdem mal-Gvern.  

'Sajf tajjeb, ta' ħafna xogħol' 

Induru fuq il-kampanja elettorali u nibdew bil-folol. Sewwa, mela l-partiti qed jagħmlu laqgħat u attivitajiet prattikament tal-massa, filwaqt li għad hawn ħafna negozji li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet. Ma jħossx li dawn ġustifikati fl-ilmenti tagħhom?  

Huwa beda billi qal li huwa jifhem għaliex dawn ikunu imħassbin jew irrabjati u li jifhem ukoll li dawn mhux għajnuna jridu imma li jaħdmu.  

"Sal-bieraħ stess kont Buġibba u qaluli illi kieku mhux għall-miżuri li ħa l-Gvern waqt il-pandemija huma fallew, għalqu u keċċew lill-ħaddiema," qal Bartolo filwaqt li sostna iżda li kull każ jrid jiġi meqjus għalih waħdu.  

Fakkar illi l-attivitajiet tal-partiti qed isiru barra, mhux ġewwa.  

Imma l-gazzetta ILLUM fakkritu li illum stess il-Partit Laburista se jorganizza attività fuq ġewwa, li fiha mistennijin jattendu mijiet ta' nies.  

"Iva, vera. Imma kulħadd bilqiegħda u bil-maskra. Fi club in-nies ma jkunux bil-maskra, le?" jistaqsi rettorikament Bartolo, mal-ewwel jfakkar illi l-Gvern qed iħabbar it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet.  

"Qed inħabbru u naraw kif se nkomplu nnaqqsu r-restrizzjonijiet. Fl-10 ta' April nibdew bl-attivitajiet bilwieqfa u nkomplu nnaqqsu r-restrizzjonijet sabiex is-sajf li ġej ikun wieħed tajjeb, ta' ħafna  xogħol," qal Bartolo.  

'Meta l-pajjiż kien magħluq ħdimna biex jiġu aktar linji tal-ajru' 

U ladarba semma' s-sajf u huwa Ministru tat-Turiżmu l-gazzetta tistaqsi l-ewwelnett hawnx ċaqlieqa ta' xogħol. Hawn turiżmu? X'qed jipproġetta għax-xhur li ġejjin il-Gvern? U finalment, Malta kienet laħqet numri kbar ta' turisti għax kienet qed tattira turiżmu tajjeb fl-aktar xhur batuti (shoulder months). Dan intilef kollu? 

"Le ma tlifniex kollox," jibda jispjega Clayton Bartolo.  

Huwa qal li t-turiżmu għandu pedament sod li fuqu se jinbena l-futur u esprima ottimiżmu kawt għal din. "Kien hawn ottimiżmu imma dan issa beda jittrażmetti ruħu b'mod dejjem aktar ċar hekk kif qed naraw li minflok pandemija, qed inħarsu lejn il-Covid-19 bħala endemija." 

Fakkar illi x-xejriet fit-turiżmu nbiddlu għax illum apparti s-sigurtà f'termini ta' kriminalità, it-turisti qed iħarsu wkoll lejn is-sigurtà f'termini ta' Covid-19.  

Huwa qal illi meta l-pajjiż kien "magħluq" għat-turiżmu l-Gvern kien qed jaħdem biex Malta jkollha rotot minn u lejn pajjjżna. "Ma qagħdniex bilqegħda u aċċettajna li ma nistgħu nagħmlu xejn imma ħdimna biex ikollha konnettività," qal Bartolo li saħaq illi kieku l-Gvern ma għamilx dan, it-turiżmu kien jiffaċċja problemi kbar.  

"Aħna kkuntattjajna iżjed linji tal-ajru, ġibna linji tal-ajru ġodda u erġajna ġibna lura linji tal-ajru li kienu waqfu joperaw minn u lejn Malta." 

L-MTA mistennija tiftaħ uffiċċju fil-Polonja... suq emerġenti għal Malta 

Imma Malta hija konnessa biżżejjed? L-akbar suq ta' Malta huwa r-Renju Unit, per eżempju, u l-linja tal-ajru ttir biss minn żewġ bliet. Aħna konnessi biżżejjed mar-Renju Unit?  

Bartolo jwieġeb fl-affermattiv u jisħaq li Malta għandha konnessjonijiet tajbin mas-swieq kollha, mhux biss mar-Renju Unit, imma wkoll mal-Ġermanja, l-Italja, Franza u qal issa anke l-Polonja. Fil-fatt dwar dan tal-aħħar, il-Ministru tat-Turiżmu qal illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed tiftaħ uffiċċju fil-Polonja.  

Bartolo kompla jispjega illi l-Gvern qed jistenna rkupru akbar din is-sena, irkupru akbar mis-sena l-oħra meta Malta kellha miljun turist. Huwa qal illi f'San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra diġà hemm lukandi li huma fully-booked.  

U la semma lil San Pawl il-Baħar, din il-gazzetta tfakkru li huwa kien wiegħed dipartiment tat-tindif li jkun speċifiku biss għal din il-lokalità - li għandha fiha eluf ta' sodod f'akkomodazzjoni turistika, ristoranti, barijiet u stabbiliment turistiċi.  

"Iva qed taħdem, fil-fatt bdejna bl-iscammel kuljum li jiġbor boroż li joħorġu wara li għadda l-kuntrattur tal-Kunsill Lokali," sostna Clayton Bartolo. Huwa qal illi ukoll li se jkun hemm aktar ħidma fuq l-infurzar biex in-nies joħorġu l-boroż taż-żibel u ma jħammġux barra. 

Kwalità jew kwantità? 

Imma lilhinn minn dan is-sajf u l-immedjat, x'inhi l-viżjoni tiegħu għat-turiżmu? Ilna nisimgħu Ministri tat-Turiżmu għaddejjin bl-istess kantaliena ta' kwalità mhux kwantità. Hu x'jaħseb? Kif jarah il-futur?  

"Ma jistax ikollok il-kwantità u l-kwalità separati. Ma jistax ikollok waħda mingħajr oħra. Jiena nemmen li spiċċa ż-żmien li nitkellmu fuq il-kwalità u mhux kwantità," jibda jgħid Bartolo li huwa wkoll kandidat fi-12 Distrett li fih hemm għexieren ta' lukandi u stabbilimenti turistiċi.  

Huwa qal li issa wasal iż-żmien li naħdmu biex jinfetħu niċeċ ġodda li fl-aħħar snin ingħataw il-ġenb minħabba l-pandemija. Huwa jsemmi t-turiżmu sportiv u anke t-turiżmu reliġjuż - b'diskussjonijiet għaddejjin ukoll mas-Santa Sede għal turisti li jmorru l-Vatikan, biex imbagħad jiġu Malta. Huwa qal ukoll li għaddejjin diskussjonijiet sabiex turisti li jibdew il-vjaġġ tagħhom jispiċċaw il-vjaġġ tagħhom f'Malta.  

Induru ftit għas-settur tat-TEFL - it-Tagħlim tal-Ingliż - li qala' daqqa kbira minħabba l-pandemija u anke minħabba li matul is-Sajf li għadda kien ġie fiċ-ċentru ta' kritika qawwija minħabba li kienu ddaħħlu studenti mhux imlaqqmin f'Malta li mbagħad wasslu għal firxa ta' każi.  

Filwaqt li fakkar li ħafna jaħsbu li dan is-settur jattira biss żgħażagħ li għadhom żgħar, fil-verità jiġu ħafna adulti jistudjaw l-Ingliż f'pajjiżna u jiġu minn swieq differenti.  

"Ħdimna mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex l-istudenti li huma mlaqqmin u ġejjin minn swieq differenti ma jsibux problemi biex jidħlu pajjiżna. Dan il-porzjon ta' turisti qed jibda jirkupra," qal Clayton Bartolo.  

'Il-poplu jaf min huwa kredibbli u min verament kapaċi jġib il-bidla' 

U finalment mistoqsija politika. Ladarba huwa kandidat fuq it-12-il distrett nistaqsuh dwar dan id-distrett. Dan hemm ċans li jaqleb lejn il-Partit Laburista għall-ewwel darba, wara illi fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali id-differenza kienet ta' ftit mijiet biss u hekk kif parti minn Naxxar (madwar 1,200 vot) se tkun qed tmur fuq l-10 Distrett.  

X'jaħseb li se jiġri f'dan id-distrett Bartolo?  

Huwa jgħid li x'se jiġri fid-distrett se jiddeċiduh in-nies. Huwa qal iżda li n-nies qed jilqgħu tajjeb ħafna l-proposti tal-Partit Laburista. Fakkar li fid-distrett hemm għexieren ta' lukandi, negozji u stabbilimenti li ħafna drabi jħaddmu nies li jgħixu fil-lokalità, speċjalment f'San Pawl il-Baħar u fil-Mellieħa.  

"Dawn huma rikonoxxenti lejn l-għajnuna li ta l-Gvern, fosthom permezz tal-Wage Supplement li grazzi għaliha salvajna għexieren ta' postijiet tax-xogħol, inkluż fil-Mellieħa u anke San Pawl il-Baħar."  

Huwa fakkar ukoll fil-ħidma li għaddejja mill-Gvern fuq l-indafa u anke r-riġenerazzjoni ta' San Pawl il-Baħar u kien hawn li temm jgħid illi huwa jemmen li "l-poplu jaf min huwa kredibbli u min verament kapaċi jġib il-bidla."  

More in Politika