'Taħlix il-vot! Iġbru u għażel l-uniku viżjoni li għandu l-pajjiż' - Grech b'appell lil min ma jridx jivvota

Bernard Grech jisħaq li l-PL reġa' sar il-partit tal-le imma l-Partit Nazzjonalista jibqa' jemmen li 'flimkien kollox huwa possibbli'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, iddedika parti sostanzjali mid-diskors tiegħu tal-lum biex jisħaq li Robert Abela ma għandu l-ebda viżjoni għall-pajjiż u huwa Prim Ministru li ma jiddeċidix. Għalhekk ħeġġeġ lill-votanti, anke lil min ma jridx jivvota, biex fis-26 ta’ Marzu jagħżlu “l-uniku viżjoni li għandu quddiemu l-pajjiż.”

Waqt Mass Rally fin-Naxxar, Grech akkuża lil Abela li ma għandu l-ebda soluzzjoni għall-pajjiż, tant li fi kliemu, ħarab mal-ewwel għawġ u telaq għall-elezzjoni, anke jekk “ma kienx ippreparat.”

“Malli għolew il-prezzijiet, qalilna li hu ma jista’ jagħmel xejn. Mela l-poplu għandu biss għażla waħda. Jeħtieġ jagħżel lil min fiċ-ċirkostanzi, jaf x’għandu jagħmel,” insista Grech.

Kien hawn li akkuża lill-Partit Laburista li “reġa’ sar il-partit tal-le,” imma insista li fejn ma jasalx il-Partit Laburista, hemm il-Partit Nazzjonalista li jibqa’ jemmen “li kollox huwa possibbli.”

 “Fil-politika għandna bżonn iċ-ċertezza, viżjoni li taħdem, politiċi konvinti, politiċi maturi u serji u politiċi li jiddeċiedu u mhux Prim Ministru li ma jiddeċidix,” insista l-Kap Nazzjonalista. “Tant ma jiddeċidix li l-ewwel jgħaffiġha u mbagħad ikollu jċedi. Kellu jċedi għall-pressjoni tal-Iskalin, tas-soċjetà ċivili u fuq kollox kellu jċedi għall-pressjoni tal-Partit Nazzjonalista.”

Fakkar li sal-elezzjoni fadal biss 20 ġurnata u għalhekk ħeġġeġ lil kulħadd biex jiġbor il-vot, anke lil dawk li qed jgħidu li mhux se jivvotaw u ħeġġiġhom jixtarru “l-uniku viżjoni” li għandu l-pajjiż, jiġifieri l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

“Fis-26 ta’ Marzu hija ġurnata speċjali li fiha se nitolbuk tagħti l-fiduċja tiegħek lill-Partit Nazzjonalista. Tagħti t-timbru u l-appoġġ tiegħek lill-aħjar u l-uniku viżjoni li għandu dan il-pajjiż quddiemu. Magħna tafu fejn qegħdin. Aħna ppreżentajna l-manifest elettorali, biex intom tanalizzawh, tikkritikawh, tagħtuna l-feedback u nkomplu ntejbuh għax aħna nemmnu fikom,” insista Grech. “F’idejk iċ-ċavetta biex niftħu l-bibien tal-opportuntajiet. L-għażla f’idejk. Jien se nkun hemm u se nibqa’ hemm miegħek għal Malta.”

'Robert Abela tista' tiġri imma ma tistax taħrab'

Mill-banda l-oħra, saħaq Grech, il-Partit Laburista "għadu qed ibiddel it-toner tal-photocopier" u se jippreżenta l-programm elettorali tiegħu ġimgħa biss qabel tibda l-votazzjoni bikrija. Fi kliemu, dan ikompli jikkonferma li Robert Abela ma għandux is-soluzzjonijiet.

“Jibża’ mill-kritika, hekk kif jibża’ mill-ġurnalisti,” insista Grech waqt li kkritika lill-Prim Ministru li qed jibqa’ jaħrab.

Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista saħaq li fis-26 ta’ Marzu, il-poplu jrid jibgħad dan il-messaġġ: “Robert Abela tista' tiġri imma ma tistax taħrab.”

“Tgħid hemm aktar li għad irridu nsiru nafu?”, staqsa Grech waqt li akkuża lill-Prim Ministru li qed jibqa’ jibża’ jwieġeb dwar l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u r-relazzjoni tiegħu ma’ Christian Borg (persuna akkuta bi ħtif ta’ persuna).

“Jibża’ mill-verità u t-trasparenza,” saħaq Grech

'Aħna verament nagħtu widen'

Kompla jitkellem dwar il-manifest elettorali u saħaq li dan ġie ppreżentat ukoll lill-imsieħba soċjali, għax fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista jrid verament id-djalogu magħhom u mhux “jiltaqa’ magħhom biss għal ritratt.”

“Aħna verament nagħtu widen. Tant nagħtu widen li nibqgħu nagħtu kaskom illum u fil-ġejjieni,” insista Grech. “Kull ġurnata li qed tgħaddi, qed tgħidulna li iva possibbli nkunu aħna l-alternattiva li għandu bżonn dan il-pajjiż.”

'...qed tiekol bis-saħħa tal-ġid li ħoloq il-PN'

Għadda biex jitkellem dwar il-pjan ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista. Fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li bena l-aqwa setturi ekonomiċi li għadu jgawdi minnhom il-ġajjiż.

“Ħarsu lejn kull settur ekonomiku li ħloqna. Jekk taħdem fis-servizzi finanzjarji, fil-farmaċewtika, fl-igaming, int taqla x’tiekol bis-saħħa tal-ġid li ħoloq il-Partit Nazzjonalista.”

Wiegħed li l-Partit Nazzjonalista hekk se jkompli jagħmel bil-ħolqien ta' għaxar setturi ekonomiċi ġodda.

Grech iwiegħed paga aħjar għall-edukaturi u aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ

Tkellem dwar l-edukazzjoni u insista li l-proposti tal-PN mhumiex “gimmicks.” Akkuża lill-PL li qed joħroġ bi proposti, anke fl-edukazzjoni, biex jaġevola setturi li qed jinduna li fihom “huwa batut.”

 “Għalina l-edukazzjoni dejjem kienet settur importanti,” saħaq Grech.

Għalhekk wiegħed li Gvern Nazzjonalista jsaħħaħ is-salarju tal-edukaturi u dawk kollha li jaħdmu mal-istudenti, inkluż il-librara. Iżda insista li mhux il-paga biss se jżid, imma anke l-kundizzjonijiet u r-rispett.

Wiegħed ukoll il-bini u l-ftuħ ta’ skola sekondarja speċjalizzata kull sena u anke żieda ta’ 25% fl-istipendju.

“Se ninvestu fikom l-istudenti għax irridu Malta aħjar,” insista Grech waqt li tenna dak li qal fl-aħħar jiem, jiġifieri li jrid l-istudenti jsiefru imma jrid joffrilhom opportunitajiet hawn f’Malta.

Wiegħed ukoll għajnuna u appoġġ lil dawk kollha li batew fi żmien il-pandemija u sellem b’mod partikolari lill-piloti, li fi kliemu “tkeċċew mill-Gvern.”

'Taħt il-Labour kulħadd sar meqjus ħalliel'

Irrefera wkoll għall-aħbar li fiż-żmien li ġej, delegazzjoni mill-Financial Action Task Force (FATF) se tkun qed iżżur Malta hekk kif ħabbret li Malta “sostanzjalment” lestiet il-pjan ta’ azzjoni tagħha.

Filwaqt li laqa’ din l-aħbar, insista li l-ħsara laħqet saret u rrefera għal messaġġ li bagħtlu bankier dwar il-mistoqsijiet li qed ikollhom jistaqsu lill-klijenti u anke d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom. Fi kliem Grech, minħabba l-lista l-griża, kulħadd sar qisu ħalliel, sakemm ipprovat innoċenti.

Kien hawn li tenna l-wiegħda li Gvern Nazzjonalista joħroġ lill-pajjiż mil-lista l-griża fi żmien tliet xhur.

“Aħna nkunu nistgħu mmorru wiċċna l’ quddiem, anke ma’ sħabna l-Ewropej għax aħna ma għandna xejn x’naħbu. Irridu biss il-ġid ta’ pajjiżna,” insista Grech. “Agħmlu kuraġġ. Anke lilkom il-bankiera u lilkom klijenti, se nkunu qed nitolbu l-fiduċja tagħkom biex insewwu l-ħsara li għamel Robert Abela. Tilfulna l-libertà, l-unur u r-reputazzjoni individwali.”

'Aħna favur li l-Ukrajna tissieħeb fl-UE'

Temm ukoll jitkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u insista li l-Partit Nazzjonalista huwa favur li l-Ukrajna tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

“Flimkien inkunu aktar b’saħħitna. Flimkien, anke intom l-Ukreni tkunu aktar b’saħħitkom,” temm jgħid il-Kap Nazzjonalista.

'Jien hawn magħkom, ma’ dan il-partit, biex fis-26 ta’ Marzu nagħtu risposta' - Claudio Grech

Il-Rally kienet indirizzata wkoll minn Claudio Grech li insista li għalkemm kien hemm min ittama li se jitlaq, hu se jibqa’ jaħdem biex fis-26 ta’ Marzu jinbidel il-Gvern.

“Jien hawn magħkom, ma’ dan il-partit, biex fis-26 ta’ Marzu nagħtu risposta,” insista Grech waqt li saħaq li Malta jeħtieġ tbiddel id-direzzjoni u terġa’ taħdem biex isaħħaħ ir-reputazzjoni tajba.

Tkellem ukoll dwar il-kriżi fl-Ukrajna u insista li kien Bernard Grech li tkellem biex il-Gvern jagħmel dak li kien ġust, jiġifieri jwaqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza lir-Russi.

Ikkritika l-mod kif qed jaġixxi l-Gvern quddiem din il-kriżi. “X’differenza minn żmiem Lawrence Gonzi,” saħaq Grech b’referenza għall-kriżi fil-Libja.

Irringrazzja lil Roberta Metsola, li bħala President tal-Parlament ukoll tkellmet favur il-poplu Ukren.

“Grazzi talli erġajt għollejt isem Malta fl-istituzzjonijiet internazzjoni,” insista Claudio Grech.  

Tkellem dwar il-programm elettorali u saħaq li bħalma “dejjem” kien il-Partit Nazzjonalista li, fi kliemu, mexxa l-Malta ‘l quddiem, hekk se jkun qed jagħmel din id-darba wkoll b’ħolqien ta’ ekonomija aktar b’saħħitha, bil-ħolqien ta’ għaxar setturi ekonomiċi ġodda.

Kien għalhekk li temm jappella lil kulħadd biex fis-16 ta' Marzu jagħżlu l-interess tal-pajjiż u saħaq li l-PN huwa l-uniku partit li jista' joffri tama lill-Partit Nazzjonalista.

"Emmnu li flimkien kollox possibbli. Emmnu li fl-aħħar is-sewwa jirbaħ żgur," temm jinsisti Grech.

More in Politika