Daqshekk divertiment sas-1:00 a.m. biss u inqas kwarantina għal kuntatti sekondarji mhux imlaqqmin

Id-Deputat PM Chris Fearne jħabbar li stabbilimenti jistgħu jibqgħu miftuħin sakemm tagħtihom il-liċenzja filwaqt li kuntatti sekondarji imma mhux imlaqqmin se tispiċċalhom il-kwarantina

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-7 ta' Marzu stabbilimenti li għandhom liċenzja li tippermetti li jistgħu jibqgħu miftuħin aktar mis-1:00 a.m jistgħu jibdew jagħmlu dan. Dan ħabbru hekk kif qal illi n-numru ta' każi attivi baqgħu baxxi b'madwar 700 - l-istess kif kienu għal dawn l-aħħar ġimgħat - filwaqt li l-każi fl-Isptar baqgħu stabbli wkoll. 

Fearne qal li l-għan tal-Gvern mhuwiex li jkollna żero każi, imma li n-numri jibqgħu baxxi u s-sitwazzjoni fl-Isptar tibqa' waħda taħt kontroll, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-ITU. 

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li mill-istess data - is-7 ta' Marzu - kuntatti sekondarji li mhumiex imlaqqmin, jiġifieri persuni li ltaqgħu ma' xi ħadd li kellu kuntatt ma' xi ħadd pożittiv, se titneħħielhom il-kwarantina. Il-persuni li jkollhom kuntatt primarju u ma humiex imlaqqmin issa se jaraw il-kwarantina tinżel għal ħamest ijiem minn 14, basta jsir test u jirriżulta fin-negattiv. Huwa qal li per eżempju f'każ ta' tfal l-iskejjel, jekk ma jkunux imlaqqmin u xi ħadd fil-klassi jirriżulta pożittiv, dawn ikunu jistgħu jagħmlu ħamest ijiem biss, minflok ġimagħtejn. 

Fearne ħabbar ukoll li l-ivvjaġġar għal dawk li ġejjin minn pajjiż Dark Red li bħalissa jridu jagħmlu għaxart ijiem kwarantina se jaraw din il-kwarantina tinżel għal sebat ijiem, mis-7 ta' Marzu, filwaqt li qal illi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa mis-7 ta' Marzu wkoll il-Gvern se jibda japprova tilqim ieħor li ma ingħatax fl-UE, bħas-SinoPharm u l-Covishield. 

Chris Fearne sostna li dan seta' jsir minħabba li l-Gvern baqa' jagħti t-tilqim, biex Malta għandha fost l-ogħla rati ta' tilqim fid-dinja. 

More in Politika