Jiġi ffirmat ftehim ma' RISe għal servizzi ta' terapija u appoġġ lill-priġunieri

L-għan ta’ dan il-ftehom huwa biex il-priġunieri jkunu mħejjija għal wara li joħorġu mill-faċilità u li titnaqqas ir-rata ta’ reċedività, fost oħrajn

Il-Ministru Byron Camilleri jippresiedi l-ftehim
Il-Ministru Byron Camilleri jippresiedi l-ftehim

Permezz ta’ Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-fondazzjoni RISe, se jkun assigurat li RISe toffri servizzi ta’ terapija u appoġġ lill-priġunieri u anke lil dawk li jkunu skontaw is-sentenza u għalhekk ikunu ħarġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bħala servizz ta’ after-care.

Fost is-servizzi li se jkunu offruti, permezz ta’ dan il-ftehim, RISe se tara li tagħmel outreach, after-care, tagħti għajnuna u appoġġ lill-familji tal-priġuniera, servizzi ta’ taħriġ u aktar. Sabiex dawn is-servizzi jkunu jistgħu jsiru, se jiġu impjegati numru ta’ professjonisti li jaħdmu fl-oqsma tat-terapija.

L-għan ta’ dan kollu huwa biex il-priġunieri jkunu mħejjija għal wara li joħorġu mill-faċilità, li titnaqqas ir-rata ta’ reċedività u biex tkun promossa l-prevenzjoni permezz tal-edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ programmi apposta.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri wera' sodisfazzjon għal dan il-ftehim milħuq anke għax qed tingħata attenzjoni speċjali lejn priġunieri li jkunu ħarġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom, fejn se jkollhom iċ-ċans u l-opportunità li jkun hemm min jgħinhom, jiggwidahom u jismagħhom.

Byron Camilleri qal li permezz ta’ dan il-ftehim qed ikun hemm pjan ċar biex dawn il-priġunieri jkunu jistgħu tabilħaqq ikollhom proċess ta’ riabilitazzjoni u rintegrazzjoni fis-soċjetà.

“Dan il-ftehim qed isir fil-kuntest ukoll ta’ ħafna bidliet li qed isiru fil-faċilità korrettiva xprunati mill-konklużjonijiet u mid-direzzjonijiet tal-inkjesta li jiena stess ħtart. Għaldaqstant, b’dan li ġie miftiehem ma’ RISe, l-imbuttatura qawwija li qed issir għal aktar pjanijiet ta’ riabilitazzjoni qed issir kemm fuq ġewwa u kemm barra l-ħitan tal-faċilità”, qal Dr Camilleri.

Fl-aħħar nett, il-Ministru semma li permezz ta’ ftehim ieħor mal-fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, se jkun hemm iċ-ċans li anke jkun hemm laqgħat bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom li jkunu qed jiskontaw sentenza, filwaqt li faħħar ħidmet il-fondazzjoni RISe li qed taħdem id f’id mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Robert Brincau u s-Sur Charles Mifsud, Chairperson ta’ RISe.

More in Politika