Aġġornata | Trakk jinqaleb fi Triq Aldo Moro; Sewwieq ta' mutur jitlef ħajtu

It-trakk, li kien qed jinstaq fid-direzzjoni tal-Belt Valletta, inqaleb u spiċċa nofsu fil-karreġġjata li tagħti lejn Raħal Ġdid

Sewwieq ta' mutur tilef ħajtu wara inċident tat-traffiku kbir fi Triq Aldo Moro, fil-Marsa, meta nqaleb trakk mimli ħadid.

It-trakk, li kien qed jinstaq fid-direzzjoni tal-Belt Valletta, inqaleb u spiċċa nofsu fil-karreġġjata li tagħti lejn Raħal Ġdid. Mir-ritratti jidhru li ntlaqtu xi vetturi oħra, wara li l-ħadid spiċċa fuqhom. Fost dawn kien hemm il-mutur ta' kumpanija li twassal l-ikel.

It-trakk kien misjuq minn raġel ta' 56 sena residenti Bormla. Is-sewwieq ta' mutur li tilef ħajtu kellu 28 sena u huwa min-Nepal.

Xi arbli tad-dawl jidhru wkoll maqlugħa minn posthom.

Sewwieq ta' mutur li nzerta kien għaddej minn hemm kellu jiddaħħal l-isptar iżda l-kundizzjoni tiegħu għadha mhux magħrufa.

Għal xi ħin inġema' ħafna traffiku fit-triq.

Il-Maġistrat tal-Għassa ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Politika