'Din is-sena l-festi se jsiru' - Camilleri jserraħ ras id-dilettanti u jwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom
L-ILLUM tpoġġi bilqiegħda mal-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda u tistaqsih il-mistoqsijiet li qed jagħmlu d-dilettanti tal-festi
minn Yendrick Cioffi
Id-dilettanti tal-festi bħalissa jinsabu fis-seba’ sema hekk kif il-ġimgħa li għaddiet sar magħruf li minn April, il-festi jistgħu jkunu ċċelebrati anke b’mod estern.
Dan ifisser li l-ewwel purċissjonijiet se jkunu dawk tal-Ġimgħa l-Kbira. It-tir huwa li l-festi, li jiġu wara, jkunu ċċelebrati b’mod normali, dejjem jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija “tibqa’ taħt kontroll.”
Dik “il-jekk” u anke l-fatt li se jkunu qed jitħabbru protokolli għall-Ġimgħa l-Kbira qajmu ftit mistoqsijiet. Dilettanti oħra kienu aktar pessimisti u mhux jemmnu li l-festi se jsiru.
Għalhekk, l-ILLUM poġġiet bilqiegħda mal-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, Noel Camilleri u staqsietu l-mistoqsijiet li qed jagħmlu d-dilettanti.
Għaliex il-festi esterni se jibdew minn April u mhux mill-festa ta’ San Pawl?
Noel Camilleri beda jispjega kif matul il-laqgħa li kellhom mal-awtoritajiet tas-saħħa u anke ma’ rappreżentanti tal-Kurja, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat li għalissa għadu kmieni għall-festi, anke għax in-numri tal-Covid-19 għadhom mhumiex stabbli.
Għalhekk intlaħaq qbil li jingħata ftit aktar ċans u ċ-ċelebrazzjonijiet esterni, inkluż il-purċissjonijiet, jibdew mill-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid, li, fi kliem Camilleri, jibqgħu mhux biss l-akbar festi tal-Knisja, imma huma festi maħbuba ma’ mijiet ta’ dilettanti.
Ħafna kienu rrassenjati li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira mhux se jsiru. Meta mortu għal-laqgħa, stennejtu dan ir-riżultat?
Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda fakkar li qabel il-laqgħa tal-ġimgħa li għaddiet, għaxart ijiem qabel kien hemm laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela.
Insista, li f’dik il-laqgħa, il-Prim Ministru kien pożittiv ħafna u huma, min-naħa tagħhom, spjegawlu li xtaqu li l-festi jibdew isiru minn San Pawl. Saħaq li kien il-Prim Ministru stess li xtaq li ssir laqgħa oħra mal-awtoritajiet tas-saħħa.
“L-għada tal-laqgħa mal-Prim Ministru, mill-ewwel ingħatajna data għat-tieni laqgħa,” insista Camilleri.
Tenna li huma spjegaw lis-Supretendent tas-Saħħa li xtaqu li jsiru anke San Pawl u San Ġużepp iżda hija ġġustifikat għaliex dan mhuwiex possibbli. Wara l-parir tal-Professur Gauci, intlaħaq qbil li l-festi jibdew minn April, inkluż miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Jekk se nibdew minn April, l-ewwel purċissjoni se tkun dik devozzjonali bil-vara tad-Duluri. Din tiġbed lejha eluf. Din se tkun qed issir ukoll?
Camilleri insista li t-tir huwa li l-purċissjonijiet tad-Duluri jsiru iżda saħaq ukoll li kollox jibqa’ dejjem jiddependi mis-sitwazzjoni tal-pandemija.
“L-Għaqda dejjem kienet konsistenti. L-ewwel prijorità tibqa’ s-saħħa tal-pubbliku, imbagħad il-festi minkejja li dawn huma għal qalbna,” insista Camilleri.
Propju għalhekk li issa se jibdew id-diskussjonijiet mal-Kulleġġ tal-Kappillani biex jitfasslu linji gwida.
“L-ewwel u qabel kollox, il-linji l-gwida se jitfasslu biex dawn il-purċissjonijiet isiru u anke biex is-saħħa ta’ dawk li jieħdu sehem u l-poplu tibqa’ tkun imħarsa,” insista Camilleri.
Imma dan xi jfisser? Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira se jsiru bħas-soltu jew b’mod differenti?
“It-tir tagħna huwa li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira isiru b’mod normali kif kienu jsiru qabel il-pandemija,” kompla jwieġeb Camilleri.
Madanakollu insista li għad iridu jsiru diskussjonijiet biex jiġi stabbilit kif dawn se jkunu organizzati, anke fir-rigward ta’ persuni li jkunu qed jassistu u jsegwu l-purċissjonijiet.
“F’ċertu lokalitajiet, forsi aktar minn oħrajn, ikun hemm massa kbira ta’ nies u għalhekk irridu naraw kif dawn jistgħu jkunu kkontrollati biex kemm huma u anke dawk li jkunu qed jieħdu sehem fil-purċissjoni, ikunu protetti,” insista Camilleri.
L-Irxoxt huwa l-aktar problematiku, speċjalment f’ċertu lokaltajiet. Se jsir?
“Anke hawn. It-tir tagħna huwa li l-Irxoxt joħroġ,” insista minnufih Camilleri anke jekk ammetta li fost iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa huwa l-aktar wieħed problematiku.
Biżżejjed insemmu l-Irxoxt ta’ Bormla u tal-Birgu u anke l-ġirjiet li tant jiġbdu nies.
“Irridu naħdmu, anke mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex nassiguraw li dan isir. Anke jekk isir b’forma ridotta, almenu l-Irxoxt wara sentejn ikun reġa’ ħareġ. Dejjem inżommu f’moħħna li aħna rridu li mmorru lura lejn in-normalità,” insista.
Wara l-Irxoxt jibdew il-festi. Ħmistax wara hemm San Publju tal-Furjana. Se jkun hemm il-festival tan-nar tal-art? Il-festi se jsiru b’mod normali? Se jsiru l-marċi?
“Jekk hux se jsir il-festival tan-nar tal-art għadni ma nafx, imma li ssir il-festa normali, iva,” wieġeb minnufih Camilleri.
Saħaq li l-akbar diskussjoni se tkun dwar il-marċi l-kbar, jiġifieri tal-briju.
“Kemm fi ħdan il-Working Group li twaqqaf fi ħdan l-Għaqda, imma anke mal-Kurja, se nfasslu linji gwida, nippreżentawhom lill-awtoritajiet ċivili biex ikun hemm qbil fuqhom,” insista.
Madanakollu serraħ ras kulħadd li ma għandu l-ebda dubju fuq il-fatt li se jsiru l-festi.
“Issa jekk ikun hemm bżonn, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa, ċertu restrizzjonijiet fuq xi attivitajiet li normalment isiru fil-festi, kulħadd għandu jiġbed ħabel wieħed. Ħerġin minn żmien diffiċli u allura ma rridux li nippreġudikaw l-andament tal-festi,” insista. “Irridu nkunu kawti u responsabbli biex kemm jista’ jkun il-festi jsiru kollha. Issa jekk isirux kollha sħaħ, jew b’xi ħaġa minnhom ridotta, jibqa’ l-fatt li din is-sena l-festi se jsiru. Mis-sena d-dieħla nkomplu fejn ħallejna din is-sena.”
Imma l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qalet li l-festi se jsiru “JEKK” is-sitwazzjoni tal-pandemija tibqa’ taħt kontroll. Jekk jerġgħu jiżdiedu l-każi, se nerġgħu nispiċċaw bla festi?
Camilleri saħaq li l-fatt li n-nies semgħu l-appelli tal-awtoritajiet biex jieħdu l-booster, wassal biex il-każi qed jonqsu u jinżammu taħt kontroll.
“Dan jawgura tajjeb biex sas-sajf inkunu f’pożizzjoni li l-festi jsiru kif nafuhom qabel il-pandemija. Ngħidu ‘jekk’ għax l-inċertezza hemm tibqa’, aħna għadna f’pandemija,” insista Camilleri.
‘Nispera ma jiġrix bħall-2020. Ħarġu l-purċissjonijiet f’Lulju u mbagħad daqshekk. Jew kulħadd jew ħadd!’ Hemm min qed jagħmel dan l-argument. Hemm periklu li jerġa’ jiġri bħall-2020?
“Jiena mhux profeta,” wieġeb Camilleri. Madanakollu saħaq li huma l-vera ftit li qed jagħmlu dan l-argument.
“Min għandu għal qalbu l-festi, ma jagħmilx dan l-argument. Din il-mentalità ta’ min jgħid li la ma saritx tagħna, ma ssir ta’ ħadd, qed tinqata’. Hemm sens kollettiv u kulħadd irid jara l-festi jsiru,” insista.
Temm jisħaq li jekk id-dilettanti kollha se jaħdmu flimkien se jipproteġu dak li hu patrimomju ta’ kulħadd. Mill-banda l-oħra saħaq li min se jaħdem għall-interessi tiegħu biss u daqshekk, se jkun qed jagħmel aktar ħsara milli ġid għall-festi.
It-tieni parti tal-Mistoqsija u Tweġiba mal-President tal-Għaqda Każini tal-Banda dwar it-triq ‘il quddiem għall-festi se tkun qed tiġi ppubblikata bħal-lum ġimgħa