Mill-2003 sal-2017: Il-PN fil-periklu li jitlef il-maġġoranza għall-ewwel darba fit-tnax-il distrett

Il-gazzetta ILLUM tkompli bil-ħarsa tagħha distrett distrett lejn ir-riżultati li kisbu ż-żewġ partiti l-kbar fl-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali. Din il-ġimgħa jmiss it-tnax-il distrett 

Il-gazzetta ILLUM qed tkompli bis-sensiela ta’ artikli li matulhom, hekk kif issa ninsabu fis-sena tal-elezzjoni ġenerali, qed tagħti rendikont u tanalizza s-sitwazzjoni tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fid-distretti elettorali, mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik tal-2017. 

Illum imiss it-tnax-il distrett li huwa wieħed mill-aktar interessanti. Minn fortizza nazzjonalista, il-PN qed jissogra li jitlef għal kollox l-appoġġ tiegħu f’dan id-distrett. Minn distakk ta’ 5,660 vot, dan niżel għal 800 vot biss fl-2017. 

Dan ifisser li jekk il-PN ma joqgħodx b’seba’ għajnejn jinsab fil-periklu li minn blu, dan id-distrett jaqleb aħmar.  

It-tnax-il distrett jinkludi l-lokalitajiet kbar tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u parti min-Naxxar.  

2003: Il-PN minn fuq bil-kbir u jkaxkar lil-Labour 

Fl-2003, il-Partit Nazzjonalista kien fl-aqwa żminijiet tiegħu. Rebaħ referendum għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u ftit ġimgħat wara rebaħ ukoll l-elezzjoni ġenerali b’distakk sostanzjali kontra l-Partit Laburista. 

L-istess riżultat tajjeb kien rifless fit-tnax-il distrett, li l-Partit Nazzjonalista rebaħ bi kbir. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kien kiseb 62.09% tal-voti, jew 14,046 vot. Il-Malta Labour Party (MLP) kien kiseb 37.07% tal-voti jew 8,386 vot. 

L-ewwel ma ġie elett kien Louis Deguara, li dak iż-żmien kien qed iservi bħala Ministru għas-Saħħa u minnufih warajh Ċensu Galea, dak iż-żmien Ministru għat-Trasport u t-Telekomunikazzjoni. 

It-tnejn li huma qabżu minnufih il-kwota fl-ewwel għadd. Deguara kiseb 3,962 vot u Galea 3,409 voti. 

Warajhom kien elett għall-ewwel darba it-tabib Michael Gonzi. Gonzi kien elett fis-16-il għadd b’4,491 vot. 

Il-Partit Laburista kien eleġġa lil Evarist Bartolo u anke lil Michael Farrugia. Dak iż-żmien kienu diġà żewġ Deputati veterani tal-Partit Laburista.  

Bartolo kien elett fid-19-il għadd b’4,766 vot u t-tabib Farrugia kien elett fl-20 għadd b’4,578 vot. 

Dik is-sena, il-Malta Labour Party kellu tmien kandidati filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kellu ħdax. 

2008: L-appoġġ għall-PN jibqa’ b’saħħtu iżda n-Nazzjonalisti jippreferu Deputati ġodda 

F’temp ta’ ħames snin, l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista fuq bażi nazzjonali għeb għal kollox. Rebaħ elezzjoni bi ftit mijiet ta’ voti. Fit-tnax-il distrett, l-appoġġ naqas xi ftit iżda kien għadu b’saħħtu ħafna. 

Fil-fatt, fl-2008, il-Partit Nazzjonalista kiseb 12,629 vot jew 58.61% tal-voti, filwaqt li l-Malta Labour Party kiseb 8,398 vot jew inkella 38.97% tal-voti. 

Anke jekk il-Partit Nazzjonalista żamm il-maġġoranza, din id-darba, il-preferenza tan-Nazzjonalisti marret lejn Deputati iżgħar u li kienu tista’ tgħid ġodda fil-politika. 

Michael Gonzi, ħu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi, ġie elett fl-ewwel għadd bi 3,967 vot. Dan minkejja li hu ma kellu l-ebda rwol fil-kabinett. 

Il-bqija tal-voti fost in-Nazzjonalisti kienu maqsuma ħafna. Kemm Tonio Fenech, Louis Deguara u anke Robert Cutajar ġabu għadd konsiderevoli ta’ voti. 

Fil-leġislatura li kienet għadha kemm għaddiet, Tonio Fenech kien għadu ma ngħata l-ebda rwol fil-kabinett, iżda rnexxielu jegħlibha lil Louis Deguara li kien reġa’ serva bħal Ministru għas-Saħħa u anke tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunità. 

Fil-fatt, Tonio Fenech kien elett fis-17-il għadd bi 3,469 vot. Deguara kien elett fl-istess għadd iżda bi 3,003 voti. Fil-fatt, huwa kien l-uniku kandidat elett li ma laħaqx il-kwota ta’ 3,592 vot. 

Il-Partit Laburista reġa’ eleġġa lil Evarist Bartolo u lil Michael Farrugia. Bartolo qabeż il-kwota ta’ 3,592 vot. Huwa kien elett fil-11-il għadd bi 3,693 vot, filwaqt li Michael Farrugia kien elett fis-16-il għadd b’4,825 vot. 

Eventwalment, Tonio Fenech kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett u minfloku kien elett Ċensu Galea, li din is-sena kellu bżonn elezzjoni każwali u dan anke jekk kien għadu kemm serva bħala Ministru għall-Politika tal-Kompetizzjoni u l-Kommunikazzjoni.  

Fl-2008, il-Malta Labour Party kellu tmien kandidati u l-Partit Nazzjonalista sebgħa. 

2013: Jonqos drastikament l-appoġġ tal-PN fit-tnax-il distrett ... iżomm b’ħajta t-tielet siġġu  

Naslu għall-2013. Il-Partit Laburista kien qaleb il-folja kompletament u issa kien il-partit tal-maġġoranza. Rebaħ b’maġġoranza storika u din kienet riflessa wkoll fit-tnax-il distrett.  

Issa l-appoġġ għall-PN kien naqas drastikament u dik li kienet fortizza nazzjonalista, issa spiċċat assedjata. 

Fl-2013, il-Partit Nazzjonalista kiseb 50.46% tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 47.21% Dawn il-persentaġġi jissarfu fi 11,610 voti għall-PN u 10,862 vot għall-PL. 

Din id-darba, kemm fost il-kandidati Laburisti u anke fost il-kandidati Nazzjonalisti, il-voti kienu maqsuma. Kien hemm ħafna kandidati popolari mal-votanti u għalhekk kollha kemm huma damu xi ftit biex jilħqu l-kwota u jiġu eletti. 

L-ewwel kandidat elett dik is-sena, kien Evarist Bartolo. Huwa kien elett b’4,686 vot fl-14-il għadd. Warajh kien elett Michael Farrugia, fil-15-il għadd b’4,295 vot. 

Għall-Partit Nazzjonalista, din id-darba, Tonio Fenech għeleb lil Michael Gonzi. Fenech, kien għadu kemm serva bħala Ministru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment. Kien tista’ tgħid il-wiċċ tal-kampanja elettorali għax għamel kampanja sħiħa jipprova jiskredita l-wiegħda tal-Partit Laburista li jibni power station ġdida u jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

Fenech kien elett fis-17-il għadd b’4,209 voti. Michael Gonzi kien elett fl-istess għadd iżda b’4,155 vot. Fl-ewwel għadd, Fenech kien kiseb 3,202 voti u Gonzi 2,886 vot. 

Għall-ewwel darba, kien elett ukoll Robert Cutajar. Huwa kien elett fid-19-il għadd b’4,061 vot. Cutajar għelibha lil Ċensu Galea, li kellu jistenna mill-ġdid lil Tonio Fenech biex iċedi s-siġġu tiegħu u jkun elett f’elezzjoni każwali. 

Dik is-sena, Evarist Bartolo kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett biex setgħet ġiet eletta Deborah Schembri f’elezzjoni każwali. 

Dik is-sena, il-Partit Laburista kellu 13-il kandidat, fost dawn Clayton Bartolo, li iżda ma kienx ġie elett. Il-Partit Nazzjonalista kellu seba’ kandidati.

2017: Il-PN u l-PL issa ras imb’ras; 800 vot biss differenza 

Nagħlqu bħal dejjem bl-aħħar elezzjoni ġenerali li reġa’ rebaħ bi kbir lill-Partit Laburista. Issa anke fit-tnax-il distrett, il-Partit Nazzjonalista tista’ tgħid li tilef l-appoġġ kważi kollu. 

Id-differenza bejn iż-żewġ partiti kienet ta’ 800 vot biss. 

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kiseb 11,921 vot jew 50.97% tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 11,120 vot jew 47.54% tal-voti. 

Il-Partit Nazzjonalista kien induna li kellu jagħmel xi ħaġa biex almenu jsalva dan id-distrett, anke għax il-kandidati li kellu fuq il-lista ma kinux b’saħħithom. Biss biss, din id-darba, la kien hemm Tonio Fenech u lanqas Michael Gonzi, li fl-aħħar elezzjonijiet kienu l-aktar popolari. 

Għalhekk, kien ikkontesta l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil Busuttil li kiseb 9,389 vot. Ovvjament kien elett minnufih mal-ewwel għadd. 

Il-Partit Nazzjonalista kellu mbagħad jistenna sas-27 għadd biex seta’ jeleġġi lil Robert Cutajar li kiseb 4,123 vot. Fl-għadd ta’ wara, eleġġa wkoll lil Claudette Buttigieg bi 3,869 vot, jiġifieri ftit voti biss inqas mill-kwota ta’ 3,899 vot. 

Il-Partit Laburista reġa’ eleġġa żewġ siġġijiet u l-aktar kandidati popolari baqgħu Michael Farrugia u Evarist Bartolo, anke jekk din id-darba, it-tabib Farrugia, li kien għadu kemm serva bħala Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, ġab aktar voti minn Evarist Bartolo, dak iż-żmien Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. 

Farrugia kien elett fl-24 għadd b’4,272 vot u Bartolo fil-25 għadd b’4,046 vot. 

Bartolo, għal darb’oħra, ċeda s-siġġu tiegħu biex fl-elezzjoni każwali kien elett għall-ewwel darba Clayton Bartolo, illum Ministru għat-Turiżmu. 

Simon Busuttil irriżenja fl-2020 wara li nħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew u minfloku f’elezzjoni każwali kien elett David Thake. Madanakollu, minħabba kwistjonijiet fuq ħlas ta’ taxxi, Thake irriżenja ftit tal-jiem ilu u permezz ta’ co-option, il-Partit Nazzjonalista għażel lil Graziella Galea. 

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista kellu disa’ kandidati u l-Partit Nazzjonalista kellu 13.  

More in Politika