Daqshekk il-bżonn ta' ċertifikat tal-vaċċin għal ristoranti, snack bars u każini mis-7 ta' Frar

... u mill-14 ta' Frar ma jkollokx għalfejn turi ċertifikat għal barijiet, gyms, teatri u ċinemas

Meta kien qed jitkellem illejla fil-Parlament id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-7 ta' Frar mhux se jibqa' obbligatorju li biex persuna tidħol f'ristoranti, snack bars u każini jkollha turi ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Mill-14 ta' Frar imbagħad iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa' obbligatorju biex persuna tidħol f'barijiet, gyms, ċinemas u teatri. 

Minkejja dan iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jibqa' jkun obbligatorju biex persuna issiefer, tmur casino, avvenimenti tal-massa u avvenimenti sportivi. 

Intant Fearne indika wkoll li l-kwarantina għal kuntatti primarji jaf terġa' tonqos filwaqt li ta l-akbar indikazzjoni sa issa li l-festi se jitħallew isiru b'mod normali din is-sena.

75% tal-poplu ħa l-Booster 

Huwa ħabbar ukoll li sal-lum 75% tal-poplu ħa l-booster. "Bil-booster żammejna n-numri fl-ITUs u l-Isptarijiet baxxi u niżlu l-każi fil-komunità...dan ġara minħabba l-booster u llum għalhekk, għax nafu li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll, issa wasal il-waqt li nibdew inħabbru din l-Exit Roadmap," qal Fearne.

Huwa qal li kuntrarjament għal li qalet l-Oppożizzjoni, il-Gvern uża miljuni f'ewro li bihom seta' jħares is-saħħa u l-għixien tal-poplu, inkluż tal-impjiegi biex kemm jista' jkun ħadd ma jkun "fi stat ta' disprament." Huwa semma l-€20 miljun minfuqa fuq il-vaċċin, minkejja li qal illi skont l-Oppożizzjoni l-Gvern ma kellux iġib aktar minn 40,000 doża tal-vaċċin. "Aħna ppreparati biex jekk ikun hemm bżonn nagħtu tilqima oħra fil-futur, fl-eventwalità ta' bżonn," sostna Fearne. 

Huwa qal li l-Gvern żied is-servizzi fl-Isptarijiet u fl-ITUs u se jkompli jinvesti miljuni, kif diġà investa, biex ikunu protetti l-ħaddiema tas-saħħa u ħaddiema fil-forzi tal-ordni, investa f'numru ta' ITUs ġodda biex setgħu jilqgħu għal sa massimu ta' 50 pazjent bil-Covid-19, biex jiżdiedu l-laboratorji u aktar xjentisti, sabiex setgħu jsiru 1.7 miljun swab test, li jfakkar illi hija fost l-ogħla rati fid-dinja.

"Bil-flus li l-Oppożizzjoni qed tikkkritikana li infaqna għax għamilna defiċit għamilna l-Wage Supplement, tajna differimenti fit-taxxa, għamilna moratorji, ħriġna l-vouchers, tajna sussidji fuq min iħaddem għall-kwarantina tal-ħaddiema bil-Covid-19, għajnuna lis-setturi tad-divertiment, għinna lill-bars u każini, tajna sussidji fuq il-kera u fuq id-dawl u l-ilma... biex żammejna d-dħul ta' familji sħaħ hemmhekk u salvajna impjiegi ta' eluf minn nies," sostna Fearne. 

 "Ma kellniex eluf ta' snin ta' esperjenza fuq il-Covid-19 u tgħallimna li l-miżuri trid tagħmilhom f'waqthom, la kmieni u lanqas tard. Il-waqt ta' meta tiddeċiedi mhux skont kemm tirbaħ voti imma skont il-fatti, figuri u x-xjenza... ix-xjenza mhux dejjem popolari, imma ħafna drabi jkollha raġun," tenna d-Deputat Chris Fearne.

 

More in Politika