Tmiem l-2021: Settur b'saħħtu tal-proprjetà imma tonqos il-kunfidenza fis-settur tas-servizzi

Ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 jagħtu daqqa fil-kunfidenza fis-settur tas-servizzi, bl-indiċi jaqilbu minn pożittiv għal negattiv f'Diċembru - Il-konsumatur huwa negattiv dwar l-2021 imma pożittiv dwar l-2022

Skont l-aħħar aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali li jitratta l-aħħar parti tas-sena l-oħra f'Novembru kien hemm b'kollox 260 permess għall-żvilupp ta' binjiet kummerċjali  - żieda ta' 7.9% meta mqabbel mal-istess xahar fl-2020, filwaqt li ħarġu 646 permess residenzjali, tnaqqis ta' 3.9%. B'kollox kien hemm żieda qawwija ħafna ta' 22.6% fil-kuntratti li kienu konklużi f'Diċembru meta mqabbel mas-sena ta' qabel, b'2,276 konvenju fl-istess xahar - li huwa kważi d-doppju tal-konvenji li saru f'Diċembru 2020. 

Minkejja li dan is-settur baqa' b'saħħtu fit-tmiem tas-sena l-oħra, anke fid-dawl ta' żidiet fi-każi tal-Covid-19, is-sentiment ekonomiku waqa' fis-setturi kollha, ħlief fil-bejgħ bl-imnut (retail) u l-kostruzzjoni. 

L-akbar waqa' fis-sentiment kien fis-settur tas-servizzi - li jinkludi lukandi, ristoranti, postijiet tad-divertiment u aktar -  fejn bejn Novembru u Diċembru s-sentiment waqa' mill-indiċi ta' +21 għal -9. Is-sentiment kien ilu f'indiċi pożittivi sa minn April tal-2021, inċidentalment ukoll minn meta tneħħew ir-restrizzjonijiet marbutin mal-Covid-19. Fil-fatt l-indiċi laħaq l-ogħla livelli f'Ġunju (36.7) u Lulju (34.7), fix-xhur meta t-turiżmu kien qabad rittmu ġmielu u allura kien hawn livell tajjeb ta' negozju. 

Il-kunfidenza fost il-konsumaturi wkoll niżlet f'livelli negattivi bejn Novembru (4.8) għal Diċembru (-0.3). 

Minkejja dan il-konsumatur huwa ħafna iktar pożittiv għall-futur milli huwa dwar il-passat riċenti, fil-fatt filwaqt li l-indiċi dwar id-dħul finanzjarju huwa negattiv (-9) għas-sena li għaddiet, jaqleb għall-pożittiv (6.5) għat-12-il xahar li ġejjin. 

 

More in Politika