Infrastructure Malta ordnata mill-Qorti twaqqaf xogħlijiet f'Bulebel għax naqset milli tindirizza l-periklu wara l-proġett

Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba tħassib dwar is-sigurtà li jqajmu pajpijiet tal-gass li jinsabu taħt l-art

Ritratt mill-arkivji
Ritratt mill-arkivji

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ddikjarat bħala “inaċċettabbli” il-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta li tkompli bi proġett ta’ twessigħ tat-toroq f’Bulebel. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba tħassib dwar is-sigurtà li jqajmu pajpijiet tal-gass li jinsabu taħt l-art.

Infrastructure Malta ġiet ordnata twaqqaf ix-xogħlijiet fi Triq San Anard u Triq il-Gudja mill-Qrati, wara li Multi Packaging Ltd ġibdet l-attenzjoni għall-periklu. Dan ifisser li l-Qorti laqgħet talba għal inibizzjoni kontra l-entità governattiva.

Il-kumpanija, li tuża l-LPG maħżuna f’tankijiet kbar li jinsabu fiż-żona fejn Infrastructure Malta trid tibni roundabout, ilha twissi li x-xogħlijiet se jnaqqsu d-distanza bejn it-tankijiet u t-triq, li jwasslu għal periklu akbar għall-pubbliku.

Inġinier li kien investiga t-tankijiet kien wissa wkoll dwar dan il-periklu, li kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-General Workers Union u Infrastructure Malta.

Minkejja dan, Infrastructure Malta baqgħet tinsisti li jsir it-twessigħ ta' din it-triq, li tgħid li dan se jnaqqas l-inċidenti tat-traffiku fiż-żona. Sostniet ukoll li l-art inkwistjoni kienet tal-Gvern u li xorta waħda se jkun qed jimplimenta miżuri protettivi.

Il-Qorti iżda ddeċidiet li Infrastructure Malta naqset milli tindirizza t-tħassib dwar il-proġett u li jrid ikollha argumenti konkreti meta tispjega ruħha, sabiex itaffi l-biżgħat tal-partijiet ikkonċernati.

"Multi Packaging Ltd, li l-fabbrika tagħha f’Bulebel timpjega 80 persuna, tforni diversi fabbriki oħra f’Malta," qalet il-Qorti. Il-fabbrika tuża ammont kbir ta' LPG u kellha faċilitajiet ta' ħażna apposta fuq il-post, li fihom 20,000 litru ta' LPG.

Intant, min-naħa tagħha, il-fabbrika sostniet li apparti l-aspett ta’ periklu, titqiegħed ukoll fi stat ta’ illegalità peress li l-viċinanza għat-triq twassal għal liċenzji u l-permessi invalida għaliha stess. Apparti minn hekk, ir-rilokazzjoni tat-tankijiet tkun spiża kbira u twaqqaf il-fabbrika milli taħdem sakemm jitlestew ix-xogħlijiet

More in Politika