Il-letturi tal-Junior College joħorġu fuq strajk ... sagħtejn illum u għada għal ġurnata sħiħa

Fi stqarrija l-MUT spjegat li l-ftehim kollettiv skada f’Diċembru tal-2018, u tliet snin wara, l-Università ta’ Malta u l-Gvern 'għadhom ma wrewx ir-rieda tajba li jikkonkludu n-negozjati sabiex jidħol fis-seħħ ftehim ġdid.'

 Il-Malta Union of Teachers (MUT) ordnat strajk fost il-letturi li jaħdmu fil-Junior College "minħabba n-nuqqas ta' konklużjoni tal-ftehim kollettiv għall-istess letturi."

Madwar 160 lettur li jaħdmu fis-Sixth Form se jkunu qegħdin jagħmlu strajk ta’ sagħtejn illum stess bejn il-11:00.a.m u s-13:00.p.m, u strajk ieħor ta’ jum sħiħ għada t-Tlieta.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-MUT iddikjarat tilwima industrijali dwar taħditiet falluti dwar ftehim kollettiv ġdid. It-tilwima inizjali fissret li l-membri intqalilhom biex joqogħdu lura milli jwieġbu emails u telefonati interni, itellgħu jew jgħaddu marki, jattendu laqgħat dipartimentali, u jirritornaw attendenza.

Fi stqarrija l-MUT spjegat li l-ftehim kollettiv skada f’Diċembru tal-2018, u tliet snin wara, l-Università ta’ Malta u l-Gvern "għadhom ma wrewx ir-rieda tajba li jikkonkludu n-negozjati sabiex jidħol fis-seħħ ftehim ġdid." Skont l-MUT huwa ċar li l-Università qed tipprova tuża l-instabbiltà tal-aħħar snin fil-Ministeru tal-Edukazzjoni bil-bidla ta’ erba’ Ministri, kif ukoll il-pandemija, sabiex tkompli toħloq aktar dewmien. 

Madankollu, l-MUT tfakkar ukoll li l-istess Università ħaffet meta ġiet biex tikkonkludi ftehimiet oħra. Dan għal MUT juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ stima li t-tmexxija tal-Università għandha lejn il-letturi impjegati tagħha li jagħtu servizz fil-Junior College.

"L-Università ilha avżata b’din is-sitwazzjoni minn Awwissu li għadda, meta l-MUT iddikjarat tilwima industrijali," kompliet tgħid l-istqarrija.

L-MUT temmet tgħid li matul din l-aħħar ġimgħa kien hemm tentattivi mill-Ministru l-ġdid sabiex is-sitwazzjoni tiġi żblukkata iżda "dawn it-tentattivi, ma ħallewx frott minħabba r-ras iebsa ta’ xi wħud."

L-MUT issostni li, bħalma għamlet fi ftehimiet preċedenti, mhix ser iċċedi qabel ma tara li l-letturi jingħataw l-għarfien mistħoqq permezz ta’ ftehim kollettiv gdid. Dan lesta li tagħmlu, ġaladarba m’hemmx toroq oħra li bihom tasal b’diskussjoni madwar mejda, b’kull mod ieħor li hemm bżonn bħala trade union. Għaldaqstant, jekk l-azzjonijiet fis-seħħ mhux ser jagħtu l-frott meħtieġ, l-MUT lesta li tkompli għaddejja b’azzjonijiet oħra f’waqthom b’konsultazzjoni mal-membri.

More in Politika