Għaqdiet tan-nisa jikkritikaw lill-Pulizija għax mhux qed iqisu l-qtil ta' Dembska bħala femiċidju

Jisħqu li l-fatt li l-vittma kienet stuprata b'mod vjolenti huwa diġà indikatur li hi kienet fil-mira sempliċiment għax mara

Għaqdiet tan-nisa kkritikaw il-fatt li lbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet, uffiċjali tal-Pulizija qalu li l-każ ta' Paulina Dembska mhux qed ikun meqjus bħala femiċidju, għax la hi u lanqas il-ġeneru tagħha ma kienu fil-mira.

Fi stqarrija, il-Malta Women's Lobby saħqu li dan ikompli jżid it-tħassib dwar "in-nuqqas ta' għarfien u anke s-sensittività" fuq każi ta' vjolenza fuq in-nisa mill-Pulizija.

"Il-fatt li l-vittma kienet stuprata b'mod vjolenti huwa diġà indikatur biżżejjed li hi kienet fil-mira sempliċiment għax mara," insistew l-għaqdiet. 

Insistew li d-dikjarazzjoni tal-Pulizija, li l-ġeneru ta' Dembska ma kienx fil-mira, ifisser illi li kieku minflokha kien hemm raġel qed jitma l-qtates, anke hu stess kien jispiċċa fir-riskju li jkun struprat, fgat u maqtul.

"Jekk il-Pulizija mhumiex kapaċi iħarsu lejn il-vjolenza fuq in-nisa għal dak li verament hi, allura kif nistgħu nserrħu rasna lin-nisa f'pajjiżna huma protetti," insistew.

Ilbieraħ, Abner Aquilina kien akkużat bl-istupru u l-qtil ta' Dembska u ħarġu l-ewwel dettalji tal-każ, fosthom kif il-vittma kienet stuprata oralment, vaġinalment u anke b'mod anali.

More in Politika