L-istudenti lura l-iskola fl-10 ta' Jannar...il-ġimgħa d-dieħla jsiru lezzjonijiet onlajn

Jintlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Unjins dwar il-ftuħ tal-iskejjel

L-iskejjel se jkunu qed jiftħu l-bibien għall-istudenti fl-10 ta' Jannar, minflok fis-6 ta' Jannar li ġej, jew inkella kwalunkwe ġurnata qabel din. Minkejja dan, dawk l-istudenti kollha li kienu skedati li se jibdew l-iskola nhar il-Ħamis 6 ta' Jannar jew is-7 ta' Jannar, f'dawn il-jiem se jagħmlu l-lezzjonijiet onlajn. Ikun biss fl-10 ta' Jannar li l-istudenti jmorru lura l-iskola fiżikament. Dan jgħodd ukoll għal Junior College, MCAST u kwalunkwe istituzzjoni edukattiva oħra. 

Dan seħħ wara laqgħa dalgħodu bejn il-unjins, il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima u l-awtoritajiet tas-saħħa.

Fil-każ tal-Università l-practicals se jkunu qed isiru b'mod fiżiku, filwaqt li l-istudenti Universitarji se jkunu qed jirċievu komunikat mill-fakultà tagħhom fil-ġranet li ġejjin illi fiha jkunu infurmati bid-deċiżjoni dwar jekk il-lectures humiex se jsiru fl-Università nnifisha jew inkella onlajn. Dan skont id-daqs tal-klassi, f'termini ta' studenti. 

Intant iżda l-Università se tkun qegħda tiftaħ il-bibien tagħha b’mod normali għas-sessjonijiet tat-tagħlim prattiku fit-3 ta’ Jannar.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima rringrazzja fi stqarrija lil dawk kollha li kienu involuti f’dawn il-laqgħat kordjali, kif ukoll irringrazzja lill-edukaturi għall-impenn, id-dedikazzjoni u x-xogħol fil-missjoni tagħhom għall-ġid tal-istudenti kollha.

Il-Malta Union of Teachers, fi stqarrija sejħet dan bħala "kompromess" għalkemm sostniet li bis-sitwazzjoni tal-pandemija kif inhi se jkun diffiċli li l-iskejjel joperaw b'mod normali fil-bidu. Esprimiet ukoll tħassib dwar effetti li jista' jkollhom il-festi tal-Ewwel tas-Sena.

More in Politika