L-2021: Is-sena li ħalliet lill-PN mdamdam fis-sondaġġi... l-unika tama u rebħ tkun Metsola

Għall-PN l-2021 kienet sena illi matulha baqa' jidher bla wisq saħħa biex verament jiġġieled u jisfida b'qawwa u effetività s-saħħa ta' Gvern Laburista. Juruh is-sondaġġi, imma anke l-ħafna titubar fuq l-aktar kwistjonijiet li jgħoddu għan-nies... 

Jekk għal Robert Abela l-2021 kienet waħda ta' uġigħ ta' ras, sfidi u problemi għall-Partit Nazzjonalista u speċjalment għall-Kap tal-PN Bernard Grech kienet sena li ftit li xejn inħass li sar progress minn dan il-partit biex tassew jisfida l-poter u l-eġemonija Laburista - disa' snin wara li tilef il-poter u 13-il sena minn meta kiseb maġġoranza l-aħħar! U dan rajnih, kemm fis-sondaġġi pero' wkoll f'diversi aspetti oħrajn.  

Fl-aħħar sondaġġi tal-aħħar xahrejn il-PN irreġistra distakk ta' bejn 46,000 u 47,000 vot minn taħt fis-sondaġġi xjentifiċi tal-Mediatoday, The Times u anke ta' Vince Marmara. F'kull każ id-distakk bejn il-partiti baqa' wieħed kbir kważi b'mod konstanti, ħlief fl-eqqel tal-pandemija u l-lockdown parzjali! Id-distakk fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja huwa ħafna akbar mid-distakk elettorali, li jfisser li l-potenzjal ta' Grech li jikber huwa ħafna inqas minn dak ta' Abela!  

Għal din l-analiżi ma hawnx l-ispazju biżżejjed biex issir analiżi profonda  tar-raġunijiet għaliex il-PN qed jibqa' daqstant lura, għalkemm ċertament li l-fatt li l-Gvern mexxa l-ekonomija b'suċċess relattiv waqt l-agħar kriżi mit-Tieni Gwerra Dinjija, filwaqt li għen eluf ta' negozji u kumpaniji kbar isalvaw fil-pandemija żgur mhux jgħin lill-PN. Kif mhux jgħin il-fatt li inqabad rittmu ta' negozju, il-vouchers issarfu, il-konsum reġa' qabad rittmu ġmielu, reġa' hawn il-flus qed iduru fl-idejn u sa qabel l-Omicron kien hawn sentiment pożittiv fil-pajjiż.  

Naturalment ma' dawn wieħed iżid il-baġit u tant miżuri li tħabbru li se jgħinu setturi tal-poplu, ir-rata ta' tilqim f'pajjiżna, il-proġetti tat-toroq u ta' housing li waslu biex jintemmu, is-settur tal-proprjetà li baqa' b'saħħtu flimkien mal-kostruzzjoni, ottimiżmu kawt fit-turiżmu, kif ukoll il-poter tal-Gvern li jagħti impjiegi, tenders u xogħol - filwaqt li "jħaffef" proċessi għall-permessi lil negozji u kuntratturi diversi u allura jżomm setturi tradizzjonalment Nazzjonalisti kuntenti! 

Kontra dawn il-forzi l-PN ftit jista' jagħmel. Dan huwa fatt.  

Pero', il-PN ħa wkoll numru ta' żelqiet din is-sena, fosthom il-mod kif donnu biddel il-pożizzjoni dwar il-Liġi tal-Kannabis - filli favur (tant li allega li l-Gvern ikkopjah), filli silenzju assolut, filli kontra u fl-istess ħin ma jridx jiffirma petizzjonijiet għal referendum u lanqas se jneħħi l-Liġi jekk ikun fil-Gvern. Dawn il-pożizzjonijiet kontrastanti f'qasir żmien ma tawx impressjoni tajba la tad-direzzjoni tal-PN u lanqas tal-karatteristiċi ta' tmexxija ta' Bernard Grech. Bl-istess mod kien hemm ħafna verżjonijiet kuntrastanti dwar il-ħtieġa ta' vot fil-Parlament għal żvilupp f'ODZ - fejn ingħatat l-impressjoni li "kull żvilupp" propost f'ODZ jeħtieġ jitla' quddiem il-Parlament, imbagħad l-iżvilupp "kbir biss" u wara fuq X-Tra kien hemm qisu bidla mill-ġdid għal "kull żvilupp". Dan wara li Grech - minkejja l-kritika kontra l-iżvilupp bla rażan - qal li mhux se jbiddel jew imiss mill-bidliet fil-konfini tal-iżvilupp li daħlu fl-2006! Kien hemm ukoll taħwid fuq l-abort - fejn ma kienx ċert il-PN hux qed jagħlaq il-bieb għal kandidati tiegħu li jaqblu mal-abort jew le!  

L-istess ġara wara battibekk ieħor fuq Facebook bejn Adrian Delia u Jason Azzopardi din is-sena! Minkejja mozzjoni li kienet mistennija titressaq minn Grech biex jittieħdu passi dixxiplinarji kontra t-tnejn, li marru kontra r-rieda tat-tmexxija li ma jkunx hemm ġlied fil-pubbliku bejn deputati, fl-aħħar ħin din treġġgħet lura għax "ma nifilħux nitilfu aktar nies" - kien intqal lill-gazzetta ILLUM!  

Hemm sens, li baqa' jippersisti li l-PN - minkejja bidliet pożittivi u minkejja li f'diversi oqsma kien qed ikun propożittiv ukoll -  għadu ma jistax jieħu pożizzjonijiet u jipproponi miżuri li jagħmluh differenti mil-Labour, attraenti għall-votant diżilluż u miżuri friski - fl-aktar oqsma li jagħmlu differenza lin-nies.  

Il-PN (U Grech) matul l-2021 għamel rebħiet u kellu effett fuq kwistjonijiet ta' korruzzjoni, governanza u nepotiżmu, iżda baqa' perċeput bħala "mhux alternattiva" fuq l-ekonomija, il-flus fil-but, l-ambjent u l-iżvilupp, l-immigrazzjoni, l-għoli tal-ħajja, il-kaċċa, is-saħħa u aktar.  Jekk wieħed jinżel fit-toroq u jistaqsi x'inhi d-differenza kardinali u kruċjali bejn il-PN u l-PL fuq dawn il-kwistjonijiet, probabbilment ir-risposta tkun "ma nafx." 

Jekk il-maġġoranza tal-poplu se jibqa' jfittex lill-PL għal soluzzjonijiet fuq dawn il-kwistjonijiet - anke jekk iħoss li l-Gvern qed "jgħaffeġ" fihom -  mela l-PN mhux se jiċċaqlaq malajr elettoralment! 

Il-PN ukoll ra numru ta' riżenji jew inkella kandidati li rtiraw il-kandidatura, fosthom Tiffany Abela Wadge, Therese Comidini Cachia u issa Roselyn Borg Knight - kollha nisa u kollha meqjusin liberali! 

Metsola - id-dawl fi tmiem il-mina! 

Roberta Metsola kienet l-akbar ferħa u l-aktar ħaġa pożittiva għall-Partit Nazzjonalista din is-sena - dak id-dawl fi tmiem tal-mina li l-PN ilu fiha mir-rebħa mqanżħa tal-2008. Wara li fl-2020 inħatret Viċi-President tal-Parlament Ewropew, l-ogħla kariga li qatt kellha persuna Maltija li kienet MEP, issa kien imiss li l-Partit Popolari Ewropew ipoġġi lil Metsola fuq quddiem bħala l-Kandidat tiegħu għall-kariga ta' President tal-Parlament Ewropew.  

Bla dubju l-karriera ta' Metsola ħadet spinta 'l quddiem u t-18 ta' Jannar li ġej jaf isaħħaħ lil Roberta Metsola kemm fuq livell Ewropew, imma anke fuq livell lokali. 

Il-gazzetta ILLUM se tkun qed tevalwa lil Metsola u l-prospetti politiċi tagħha - fl-UE u f'Malta, ħafna aktar fid-dettall nhar il-Ħadd li ġej.

More in Politika