'Għandu jitnaqqas it-tribaliżmu bejn l-aħmar u l-blu li storikament ġab qasma u vjolenza'

Dan intqal fid-diskors taċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo, fl-għeluq l-44 sena mill-qtil ta’ Karin Grech

Fid-diskors tiegħu fl-għeluq l-44 sena mill-qtil ta’ Karin Grech, Iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo sostna li bħala poplu għandna nibqgħu nirriflettu fuq dan u episodji oħra ta’ qtil politiku biex pajjiżna jibqa’ jfakkar lilu nnifsu bil-kruha tal-vjolenza politika u dak li jwassal għaliha.

 “Dawn huma okkazjonijiet li għandhom jixprunaw lilna lkoll biex nibqgħu naħdmu favur is-saltna tad-dritt u l-bżonn ta’ djalogu kontinwu, partikolarment fejn ikun hemm skontru ta’ ideat” qal Cacopardo.

Fakkar fil-bżonn ta’ istituzzjonijiet li jissorveljaw lil xulxin biex il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter ikunu dejjem imxekkla. Insista wkol li għad hawn bżonn urġenti li jitnaqqas it-tribaliżmu bejn l-Aħmar u l-Blu li storikament ġab qasma u vjolenza fuq skala nazzjonali. Fil-fatt huwa qal li "t-tribaliżmu nissel sistema ta’ nepotiżmu, klijenteliżmu u anke vjolenza."

 “Hemm bżonn sinjali ċari u sostnuti minn kulħadd li pajjiżna huwa kontra l-vjolenza tiġi minn fejn tiġi u tolqot lil min tolqot”, kompla jgħid Cacopardo. Huwa temm jgħid li "dan l-episodju mdemmi fl-istorja ta’ pajjiżna jappartjeni lill-pajjiż u ‘l-poplu Malti kollu."

 

More in Politika